Filmat: “Ridt nagħti messaġġ lill-Maltin biex jiħduh” – L-ewwel persuna li ħadet il-vaċċin

Rachel Grech, l-ewwel persuna li tlaqqmet kontra l-Covid-19 f’Malta, qalet li billi kienet l-ewwel li ħadet il-vaċċin, riedet tagħti messaġġ lill-Maltin biex jiħduh.

F’kummenti li tat lill-ġurnalisti wara li dalgħodu ħadet il-vaċċin ta’ Pfizer u BioNTech, l-infermiera stqarret li tħossha onorata li kienet l-ewwel waħda li tieħu l-vaċċin.

Dr Grech, li taħdem fit-Taqsima tal-Mard Infettiv, stqarret li dawn kienu żminijiet ibsin, iżda ħadmu bħala tim. Kienet esperjenza diffiċli, pereżempju biex l-infermiera jaddattaw għall-ilbies protettiv, u biex joħolqu konnessjoni mal-pazjenti meta dawn lanqas setgħu jaraw l-emozzjonijiet tagħhom, it-tbissima tagħhom. Iżda huma baqgħu jippruvaw iferrħuhom kif jistgħu.

Hija wriet l-importanza li l-maġġoranza tal-poplu tieħu l-vaċċin, sabiex il-ħajja tirritorna għan-normal.