Filmat: Richard Edwards b’diska għal ibnu li għadu fil-ġuf

Il-kantant lokali Richard Micallef, jew kif jafuh ħafna Richard Edwards, se jsir missier għall-ewwel darba fil-jiem li ġejjin flimkien mal-għarusa tiegħu Raisa Piscopo.
Il-kantant iddeċieda li jikteb kanzunetta għal ibnu Benjamin, li wasal biex jitwieled, sabiex jgħidlu minn issa kemm diġà jħobbu minkejja li għadhom qatt ma ltaqgħu.
Fil-kanzunetta, Richard jgħid lil ibnu kif għalkemm għadu qatt ma semgħu jitkellem jew rah b’għajnejh xorta jnissillu tbissima fuq wiċċu.
Jgħidlu wkoll li se jkun dejjem hemm għalih tul ħajtu kollha, u li se jagħmel l-għalmu tiegħu biex ikun il-missier ideali.
F’messaġġ li kiteb mal-filmat tal-kanzunetta, Richard jgħid li jiddedika din id-diska mhux biss għal ibnu Benjamin iżda għal dawk kollha li bħalu u bħal Raisia qed jistennew li titweldilhom it-tarbija tagħhom.
Inti se jkollok tarbija? Għidilna x’esperjenzi qed tgħaddi minnhom f’dan iż-żmien ta’ stennija tant speċjali, billi tibgħatilna fuq info@newsbook.com.mt.