Filmat: Riċerka forensika tistabbilixxi s-sena li fiha nħadem Kurċifiss mirakoluż

Il-Laboratorju tal-Forensika tal-Korp tal-Pulizija kien involut f'riċerka mhux tas-soltu li wasslet biex Kurċifiss mirakoluż meqjum fil-Parroċċa tal-Madonna tal-Grazzja fir-Rabat Għawdex, ġie stabbilit f'liema sena ġie maħdum.
Fuq inizjattiva ta' Prevarti Ltd, u bil-kollaborazzjoni tad-Dipartiment tal-Forensika, instab li l-Kurċifiss inħadem fl-1683, liema sena instabet miktuba fuq wara tal-Kurċifiss.
Il-kitba li ma tinqarax meta wieħed iħares lejha mingħajr xi tip ta' lenti, kienet waħda minn żewġ sejbiet interessanti fil-proċess ta' restawr.
Sejba oħra li titfa' dawl fuq waħda mill-ikbar kurżitajiet li ddawwar dan il-Kurċifiss, hija impronta li aktarx kienet tal-artist innifsu.
L-unika ħaġa ċerta s'issa, hija li l-Kurċifiss inħadem minn artist Sqalli iżda li tiegħu ftit li xejn hemm dettalji.
Minn din l-impronta, hemm it-tama li jitqabblu iżjed xogħlijiet ta' arti li possibilment inħadmu mill-istess artist.