Filmat: Ribelli Sirjani jagħmlu użu minn armi kimiċi

Il-President tal-Amerika Barack Obama talab lill-mexxejja tal-pajjiż biex jiżnu jekk l-Amerika għandiex tuża forza militari fis-Sirja. Dan ftit siegħat wara li Obama qal li jemmen li intervent militari fis-Sirja huwa l-aħjar għażla biex jitwaqqaf l-użu tal-armi kimiċi.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret tard ilbieraħ filgħaxija fil-White House, l-President Amerikan qal li hu għandu l-awtorita’ li jieħu d-deċiżjoni dwar intervent militari, imma saħaq li xtaq li din tkun deċiżjoni nazzjonali sabiex l-Amerika tkun aktar b’saħħitha u aktar effettiva.

Il-Kumitat tas-Senat Amerikan għar-relazzjonijiet barranin mistenni jiddiskuti dan nhar it-Tlieta li ġej, filwaqt li l-Kungress Amerikan mistenni jiddiskuti din il-possibilita' meta jerġa' jiltaqa' f’Washington fid-9 ta’ Settembru.

Intant minkejja li l-Amerika qed tattakka lir-reġim ta’ Bashar al-Assad li uża armi kimiċi biex jattakka lir-ribelli, fuq is-sit YouTube qed jidhru numru ta' filmati u anke ritratti li juru lir-ribelli jisparaw armi kimiċi.