Filmat: Residenti tal-Fgura jingħaqdu biex jipproteġu razzett antik

Id-Diskors tiegħi waqt il-Konferenza ta' l-Aħbarjiet quddiem ir-Razzett l-Antik tal-Fgura, flimkien ma' residenti li flimkien qed inwelldu llum 20 ta' Gunju l-Assoċjazzjoni Residenti Fgura, aktar dettalji ngħadduhom fil-jiem li ġejjin.

Posted by Aldo Busuttil on Saturday, June 20, 2020

Għadd ta’ residenti tal-Fgura qed jingħaqdu biex jipproteġu razzett antik mili jitwaqqa’.

Aldo Busuttil, f’isem ir-residenti qal li s-Sibt li għadda twieldet assoċjazzjoni ta’ residenti mill-Fgura li għandha l-għan li titkellem dwar id-diversi problemi tal-lokalità.

Fi stqarrija qal li reċentament il-Kunsill Lokali tal-Fgura sar jaf li kien se jinstema’ l-appell kontra t-twaqqiegħ tar-Razzett l-Antik. Meta sar jaf b’dan beda jaħdem fuq “proposti realistiċi ta’ kif dan il-post jiġi salvat permezz ta’ żvilupp sostenibbli li fl-istess waqt jindirizza diversi problemi fil-lokalità.”

Aldo Busuttil

“Id-deċiżjoni mit-Tribunal tal-MEPA tas-7 ta’ Frar 2019 waqqgħet dak kollu li l-Kunsill Lokali tal-Fgura ħadem tul dawn l-aħħar 20 sena biex ir-Razzett l-Antik li jinsab fi Triq Hompesch (faċċata tal-Każin tal-Banda) jingħata l-protezzjoni li tisħoqlu. Sfortunatament il-wirt kulturali mhuwiex imsemmi fid-definizzjoni ta’ Grad 3 u flimkien ma’ rapporti li fl-opinjoni tiegħi huma biased flimkien ma’ rakkomandazzjonijiet dilletanteski mid-Direttorat fi ħdan l-Awtorita’, ċ-ċansijiet li l-Kunsill jirbaħ l-appell huma minimi bil-konsegwenza li r-razzett jiġi distrutt,” qal Busuttil.

Spjega li fit-13 ta’ Mejju beda wkoll petizzjoni online indirizzata lill-Prim Ministru Robert Abela. S’issa ffirmawha mal-450 persuna.

Fassal ukoll dokument bi proposti għar-riġenerazzjoni tar-Razzett l-Antik.