Read in English.
L-NGO Repubblika nhediet il-kampanja edukattiva bl-isem “Active & Responsible Citizenship”, li għandha l-għan li tippromwovi ċittadinanza attiva u responsabbli u kultura ta’ demokrazija, rispett tad-drittijiet tal-bniedem u s-saltna tad-dritt.
Fi stqarrija l-NGO qalet li l-kampanja hi mfassla fuq dikjarazzjoni ta’ valuri u prinċipji li tinsab fuq il-website repubblika.org.
Ilkoll għandna dritt nippretendu gvern nadif. Imma d-demokrazija tiddependi wkoll minn ċittadini infurmati u li jipparteċipaw. L-edukazzjoni hi l-aqwa għodda biex ikollna ċittadini infurmati u demokrazija b’saħħitha, saħqet Repubblika.
L-ewwel inizjattiva ta’ din il-kampanja edukattiva hi kompetizzjoni annwali li twassal għal Lelja għad-Demokrazija. Għal din il-kompetizzjoni huma mħeġġa japplikaw l-istudenti kollha fl-iskejjel Maltin u Għawdtxin bejn is-seba’ sena (Form 1) u t-tnax-il sena (sixth form). Il-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni hi mqassma fi tlett kategoriji ta’ età u tista’ tieħu forma ta’ essay jew poster fuq waħda minn għaxar temi ispirati mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Fix-xhur li ġejjin din il-kampanja ser tipproduċi messaġġi fuq ir-radju u videos fuq is-social media fuq temi partikolari, bħal per eżempju;
- Il-protezzjoni tal-ġurnalisti
- Id-demokrazija
- Id-drittijiet tal-bniedem
- Is-separazzjoni tal-poteri
Se juru wkoll il-konsegwenzi negattivi ta’ prattiċi ħżiena fis-soċjetà, bħal per eżempju l-klijenteliżmu politiku. Bl-istess intenzjoni hemm il-ħsieb li jkunu pubblikati kotba għat-tfal.
Repubblika ser tkun qed tikkollabora ma’ kunsilli lokali u NGOs oħra li jikkondividu l-valuri u l-prinċipji li fuqhom hi mibnija din il-kampanja edukattiva.
Il-pubbliku jista’ jżur is-sit elettroniku https://repubblika.org/active-responsible-citizenship/ biex isir jaf aktar u jagħti s-sehem tiegħu f’din l-inizjattiva.