Filmat: Repubblika tippubblika proposti għar-riforma tal-Parlament

Read in English.

Filmat: Miguela Xuereb

L-NGO Repubblika ippreżentat lill-Ispeaker tal-Parlament, kopja ta’ dokument bil-proposti tal-organizzazzjoni għal riformi Parlamentari.

Il-President ta’ Repubblika Robert Aquilina, l-Erbgħa filgħodu, fakkar kif din is-sena l-Parlament Malti jagħlaq 100 sena. Minkejja li l-Parlament jaħdem f’bini ġdid għadu mgħobbi bi prattiċi antikwati u li ma jgħoddux għad-demokrazija tal-lum.

“Dawn id-difetti qed jiġu sfruttati mill-gvern biex il-Parlament ma jkunx jista’ jservi l-missjoni tiegħu li jissorvelja u jservi ta’ kontro-bilanċ għall-poter tal-gvern. F’dawn l-aħħar snin rajna l-istituzzjoni Parlamentari maħtufa mill-gvern li llum saħansitra jimpjega aktar minn nofsu”, qal Aquilina.

Għal din ir-raġuni l-NGO Repubblika qed tipproponi li parti prominenti mir-riformi Kostituzzjonali li ilhom imwiegħda mill-2013, ikunu riformi demokratiċi li jsaħħu ‘l-Parlament.

Fid-dokumenti li ħejjiet, Repubblika tagħmel analiżi dettaljata tal-isfidi tal-Parlament li jeħtieġu jkunu indirizzati.

Riforma ghal parlament malti launch repubblika vicki ann cremona robert aquilina alessandra dee crespo
Miguela Xuereb

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ingħad kif Repubblika tirrikonoxxi li l-korruzzjoni, l-impunità u l-oltraġġ għad-demokrazija meta nqatlet Daphne Caruana Galizia huma anqas konsegwenza ta’ difetti fid-disinn istituzzjonali u wisq aktar konsegwenza tal-volontà ta’ persuni fil-poter li jwettqu azzjonijiet korrotti u kriminali u ta’ persuni b’poteri Kostituzzjonali li beżgħu jew preferew ma jaġixxux.

L-NGO irreferiet għal dak li ġara din il-ġimgħa stess, meta l-Ispeaker Anġlu Farrugia ta ruling li permezz tiegħu ġie deċiż li ma tista’ tittieħed l-ebda azzjoni fil-konfront tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat dwar abbuż ta’ poter u ksur tal-Kodiċi ta’ Etika meta ta struzzjonijiet biex l-eks Ministru Konrad Mizzi jinħatar konsulent mal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta.

Repubblika rrikonoxxiet wkoll li m’hemm ebda mudell Kostituzzjonali infallibbli jew perfett, filwaqt li rreferiet għal dak li ġara f’Washington ftit ġranet ilu li juri li anke l-aktar Kostituzzjonijiet sofistikati jistgħu jitfarrku taħt il-vjolenza u l-intimidazzjoni.

“Qed nagħmlu dawn il-proporti ta’ tibdil b’umiltà, mingħajr ma naħsbu li ma jistax ikun hemm ideat aħjar minn tagħna. Iżda ninsistu li r-realtà preżenti mhix taqdi l-ħtiġijiet tad-demokrazija tagħna, u jeħtieġ li ssir diskussjoni serja dwar tibdil,” saħqu l-membri ta’ Repubblika.

Il-proposti huma ntiżi biex il-Parlament ikollu s-setgħa u l-mezz li jikteb il-liġijiet ta’ pajjiżna u jieħu sehem serju fil-kitba tal-liġijiet tal-Ewropa.

Riforma ghal parlament malti launch repubblika vicki ann cremona
Miguela Xuereb

Għalhekk Repubblika qed tipproponi li jkunu separati l-President u l-Parlament u li jikkunsidraw li jżidu l-poteri tal-President li jerġa’ jitlob lill-Parlament jikkunsidra mill-ġdid liġijiet ġodda li ma jaqbilx magħhom jew li jirreferi lill-Qorti Kostituzzjonali liġijiet li jaħseb li huma illegali.

“Iżda dawn il-poteri jridu jiddaħħlu f’qafas demokratiku u qed ngħid li għandna nikkunsidraw elezzjonijiet diretti għall-President kif jiġri fil-parti l-kbira tad-demokrazija parlamentari Ewropej,” sostna Robert Aquilina.

Repubblika qed tipproponi wkoll li r-rwoli ta’ Deputat Parlamentari u ta’ Ministru tal-Gvern jinfirdu u li l-Ministri jiġu biex iwieġbu għall-iskrutinju tal-Parlament, mhux biex jiddeċiedu l-aġenda tiegħu.

L-NGO spjegat li d-demokrazija ta’ Malta hi kumplessa biżejjed biex ikollna Ministri u Imħallfin full-time, dedikati fuq is-servizz pubbliku u li l-istess għandu jkun għall-Parlamentari li għandhom jitħallsu paga diċenti li tiġġustifika l-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom.

Proposta oħra hi li titneħħa d-diskrezzjoni tal-Prim Ministru meta għandha ssir elezzjoni parlamentari u li jkun hemm kwota minima nazzjonali għall-partiti politiċi fil-Parlament li meta tintlaħaq fuq bażi nazzjonali tiggarantixxi lil kull partit, siġġijiet Parlamentari.

Repubblika qalet li dawn il-proposti flimkien ma’ għexieren oħrajn inklużi fid-dokument qed jitpoġġew għal diskussjoni nazzjonali serja u urġenti.

“M’għandhomx jgħaddu 100 sena oħra biex ikollna demokrazija mġedda li tirrifletti tassew il-bżonnijiet tal-lum u li tibbalanċja lill-eżekuttiv u tneħħi r-riskju serju t’awtokrazija,” temmet tgħid l-NGO.