Filmat: Repubblika tipproponi għassies kontra r-razziżmu

L-għaqda Repubblika qed tissuġġerixxi li għandu jinħatar għassies kontra r-razziżmu li joqgħod attent u jesponi diskriminazzjoni razzjali li tkun intenzjonata jew tkun konsegwenza ta’ imġieba bi preġudizzju razzjali li jkun ta’ eżempju ħażin lill-komunità.

Repubblika ħabbret dan f’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Berġa ta’ Aragon fil-Belt Valletta li fiha hemm il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Ugwaljanza.

Fost ir-rakkomandazzjonijiet oħra li qed jiġu suġġeriti fil-konsultazzjoni pubblika dwar politika kontra r-razziżmu, Repubblika saħqet li kull resident f’Malta li qiegħed fil-pajjiż għal terminu twil ta’ żmien għandu jitħalla jieħu ċ-ċittadinanza Maltija.

Proposta oħra hija dwar il-parteċipazzjoni ta’ dawk kollha li joqogħdu f’Malta fl-elezzjonijiet. Repubblika taħseb li biex jitnaqqas ir-razziżmu kulħadd għandu jitħalla jipparteċipa fid-demokrazija. Insistew li dan għandu jibda mil-livell ta’ Kunsilli Lokali għaliex bħalissa l-Kunsilliera jħossu li qed jirrappreżentaw lill-persuni bojod u għaldaqstant jinjoraw l-interessi tal-immigranti.

Ispirati mis-sitwazzjoni li affaċjat Malta tul dawn l-aħħar snin bl-immigranti li jaslu qrib Malta bil-baħar, Repubblika qed tesiġi li l-Gvern għandu jsalva lil dawn in-nies mill-għarqa. Dan billi Malta tosserva mill-qrib il-liġijiet internazzjonali.

Pass ieħor biex f’Malta jitnaqqas ir-razziżmu għandu jkun li nies minn minoranzi jitħallew jagħżlu karrieri fil-Gvern, fl-armata, fil-pulizija u fil-ġudikatura. L-istess bħalma Repubblika taħseb li kull min ilu jgħix Malta għandu jieħu ċ-ċittadinanza, b’din il-proposta titnaqqas ir-razziżmu għaliex ma jkunx hemm iktar esklużjoni ta’ klassi ta’ poplu.

Repubblika
Miguela Xuereb

Proposti oħrajn ta’ Repubblika biex jitnaqqas ir-razziżmu f’Malta:

  • Ix-xandir pubbliku għandu jagħti spazju għal nies ta’ razez u twemmin differenti.
  • Jiġu infurzati l-liġijiet kontra d-diskors ta’ mibegħda.
  • Jiġu aboliti partiti politiċi li jippromwovu d-diskriminazzjoni.
  • Ma jkunx hemm ħabsijiet fil-baħar u d-detenzjoni tal-immigranti għandha tkun lanqas possibbli.
  • Prijorità għall-housing soċjali u jsir sforz kontra l-ħolqien ta’ ghettos.
  • Tiġġedded it-tifsira ta’ li tkun Malti għaliex ma hemmx bżonn ikun kulħadd l-istess fil-politika ta’ integrazzjoni.
  • L-iskejjel għandhom jgħallmu li d-dinja hija akbar mill-inħawi ta’ Malta u Għawdex
  • Jiġu mgħallma l-Malti u l-Ingliż iżda l-komunikazzjoni ssir b’lingwa li tinftiehem.
  • Is-sistemi kriminali u ġudizzjarji m’għandhomx iħarsu lejn ir-razza u t-twemmin.

Aktar kmieni din is-sena f’waħda mill-Omeliji tiegħu, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi qal li “r-razziżmu huwa insult lil Alla, għaliex Alla ħalaqna lkoll xbieha tiegħu”.

Filmat: Miguela Xuereb