Filmat: Relikwa bid-demm ta’ Ġwanni Pawlu II waqt il-maratona fl-1 ta’ Jannar

Fl-ewwel jum tal-2020, id-Dar tal-Providenza se torganizza l-24 edizzjoni tal-Festa ta’ Ġenerożità li waqtha jinġabru l-fondi għad-dar fis-Siġġiewi fejn hija twettaq xogħolha ta’ għajnuna lil dawk fil-bżonn.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet illum, Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar, ħabbar li d-Dar tal-Providenza għamlet pass importanti meta akkwistat il-Liċenzji meħtieġa għall-operat ta’ kull dar li għandha kif kien mitlub minnha mill-Awtorità għall-Istandards tal-Ħarsien Soċjali (SCSA) li twaqqfet b’att legali s-sena l-oħra.

Il-Festa ta’ Ġenerożità se tibda fid-9am b’quddiesa mill-Arċisqof Charles Scicluna fil-kappella tad-Dar. Matul il-jum kollu fuq il-palk se jkun hemm spettaklu varjat u intervisti ma’ għadd ta’ personalitajiet li jżuru d-Dar li jibqa’ sejjer sa nofsillejl. Taħt it-tinda se jkun hemm ukoll il-voluntiera biex jilqgħu d-donazzjonjiet tal-pubbliku.

Peress li fl-2020, il-Knisja se tfakkar il-mitt sena mit-twelid ta’ San Ġwanni Pawlu II, matul il-ġurnata fil-kappella se tkun esposta għall-qima u t-talb tal-pubbliku relikwa b’garża bid-demm tiegħu ta’ meta Mehmet Ali Ağca sparalu fi Pjazza San Pietru fit-13 ta’ Mejju 1981. Din ir-relikwa irregalata lid-Dar soru Maltija li kienet assistiet lill-Papa waqt li kien rikoverat fil-Policlinico Gemelli.

Se jkun hemm servizz ta’ park and ride bejn it-3pm u d-9pm mit-Triq ta’ San Niklaw.

Bħala proġetti għas-sena li ġejja, Fr Martin semma l-ftuħ ta’ dar ġdida fil-Komunità tal-Balluta; titjib u installazzjoni ta’ lift ġdid f’Dar Żerniq, fis-Siġġiewi; refurbishment tal-erba’ flettijiet f’Villa Papa Giovanni u kors ta’ taħriġ speċjalizzat minn professjonist barrani għall-management u l-ħaddiema dwar imġiba diffiċli.

Id-donazzjonijiet jistgħu jsiru bit-telefown b’dawn l-ammonti:

Donazzjoni ta’ €10 – 516 02 012
Donazzjoni ta’ €15 – 517 02 013
Donazzjoni ta’ €25 – 518 02 014
SMS Donazzjoni ta’ €7 – 506 18 922