Filmat: “Regħba biex nibnu, intellgħu u nsiru sinjuri”

Anthea Brincat, waħda mir-residenti ta’ blokka appartamenti fi Gwardamanġa li spiċċat bla saqaf fuq rasha, qalet li l-permessi joħorġu akkost ta’ ħajjet in-nies, b’ċerta regħba “biex nibnu u ntellgħu u nsiru sinjuri, li ma jistax ikun.”

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, Anthea u missierha Raymond irrakkontaw kif ħajjithom inqalbet ta’ taħt fuq minn mindu ġġarrfet darhom f’Ġunju li għadda.

Raymond Brincat irrakkonta kif kien qed jagħmel xi ħaġa mas-sink fil-kċina u f’daqqa waħda ra bħal dawl qawwi. Ħasbu sejjer it-tubu iżda ra l-fili jinfetħu, il-madum ifaqqa’ u l-ġebel nieżel. Qal li f’daqqa waħda ra barra, ra lil tal-gaffa u n-nies jaħdmu.

Anthea qalet li esperjenza bħal din se tibqa’ magħhom għal għomorhom, “mhix xi ħaġa li se ssewwi qisu xejn mhu xejn.” Skontha, ittrawmatizzathom emozzjonalment, mentalment u fiżikament. Missierha Raymond tant affettwatu din l-esperjenza li l-kundizzjoni taz-zokkor li kellu qabel iggravat, u wasal biex it-tobba kellhom jaqtgħulu parti minn siequ. Issa, għalkemm il-familja ngħatat dar temporanja f’akkomodazzjoni soċjali, din il-binja tinsab f’post imħarbat u mhux aċċessibbli b’wheelchair, għalhekk il-familja reġgħet għandha nkwiet dwar fejn se tagħti rasha. Anthea qalet li qed isir tentattiv biex jinstabilhom post addattat, iżda m’għandhiex wisq tama.

Sostniet li n-nies mhumiex sempliċiment numru. Hija appellat biex il-liġijiet li diġà jeżistu jiġu infurzati ħalli jkun hemm prevenzjoni ta’ każijiet bħal dawn. Żiedet tgħid li l-iżviluppaturi għandhom dar fejn imorru wara ġurnata xogħol, iżda dawk affettwati minn dak li ġara, “ħajjitna waqfet.”

Ftit jiem wara li saret din l-intervista, ir-residenti ta’ din il-blokka appartamenti rċivew telefonata minn Kastilja bi stedina għal laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela. Janet Walker, waħda mir-residenti, qalet li l-Prim Ministru sema’ l-karba tagħhom, u dan sejħitlu “l-ewwel pass.”

Il-Prim Ministru Robert Abela lbieraħ qal lil Newsbook.com.mt li jinsab f’kuntatt ma’ Caroline Micallef u żewġha, li waqgħatilhom id-dar f’April f’Tal-Pietà, biex jiltaqa’ magħhom ukoll.

Filmat: Sarah Cassar Dymond, Editjar: Miguela Xuereb