Filmat: Refalo jkun fil-Kabinett tiegħi – Fearne

L-eks Ministru Anton Refalo mistenni jerġa’ lura fil-Kabinett jekk il-kandidat għall-Mexxej Laburista Chris Fearne jirbaħ l-elezzjoni interna u jsir Prim Ministru.

Dan tħabbar minn Fearne stess f’attività tal-kampanja tiegħu fir-Rabat Għawdex il-Ħamis filgħaxija.

Huwa qal li Refalo “għandu talenti li rridu nagħmlu użu aħjar minnhom”.

Dan jista’ jfisser li Anton Refalo jew Justyne Caruana jingħataw Ministeru jew Segretarjat Parlamentari f’Malta.

Refalo serva bħala Ministru għal Għawdex bejn l-2013 u l-2017 meta l-PM Joseph Muscat għażel lil Justyne Caruana biex tkun il-Ministru għal Għawdex.

Fl-istess attività, Fearne faħħar il-ħidma ta’ Clint Camilleri u qal li Clint huwa l-futur tal-Partit Laburista f’Għawdex.

Fearne faħħar ukoll il-ħidma tal-Ministru Justyne Caruana u qal li bil-ħidma tagħha taqta nifs il-Ministri kollha li hemm Malta. Stqarr li l-Ministru Caruana se tkompli tagħmel dan ix-xogħol ta’ Ministru għal ħafna snin oħra.

Dan l-artiklu ġie aġġornat biex jinkludi r-referenza li Dr Fearne għamel dwar il-Ministru Justyne Caruana.