Filmat: “Redikolu” – Juncker lill-Parlament Ewropew

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker iddeskriva l-Parlament Ewropew bħala ‘redikolu’, hekk kif dalgħodu, is-sessjoni plenarja li tat ħarsa lejn is-sitt xhur ta’ Presidenza Maltija, ftit li xejn attirat Membri Ewroparlamentari.
Juncker kellu kliem iebes għall-MEPs, u stqarr li kieku jindirizzaw il-plenarja minflok il-Prim Ministru Joseph Muscat, kien hemm il-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel jew il-President Franċiż Emmanuel Macron, il-kamra ma kinitx tkun kważi vojta.
Irrimarka li preżenti kien hemm 30 deputat biss u reġa’ tenna, għal darba tnejn, li l-Parlament Ewropew huwa redikolu.
Il-kummenti ta’ Juncker wasslu biex infetaħ battibekk, bejnu u l-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani, li talbu biex jibdel it-ton. Madanakollu Jucker baqa’ jinsisti u ħalef li mhux se jattendi laqgħa oħra diżappuntanti ta’ dan it-tip.
Kompla jgħid li l-Prim Ministru Malti rnexxielu jagħmel xogħol eċċellenti, flimkien mal-Ministri tiegħu u l-Maltin kollha li ħadmu minn wara l-kwinti.