Filmat: “Rajt mara mdendla mit-tieqa biex ma tinżammx ostaġġ”

Dalgħodu l-gazzetta Franċiża Le Monde ippublikat filmati drammatiċi hekk kif ġurnailst tagħha, Daniel Psenny kien f'daru fit-triq ta' wara s-sala Bataclan.
Il-ġurnalist jirrakkonta kif hu kien qed jaħdem mid-dar meta sema' l-isplużjonijiet u għall-bidu ħasibhom li kienu ġejjin mit-TV.
Iżda malli nstemgħu iżjed splużjonijiet, din id-darba iżjed qawwija, ħareġ jittawwal mit-tieqa u hemm jara xeni surreali, ta' nies jippruvaw jaħarbu mill-ħruġ ta' emerġenza fuq wara tas-sala, nies mal-art u dmija.
Jirrakkonta kif baqa' impressjonat bil-figura ta' mara tiddendel mit-tieqa tat-tieni sular għal isfel bit-tama li ma tintlaqatx jew ma tinżammx ostaġġ.
"Quddiemi rajt xeni li fakkruni fil-11 ta' Settembru" jirrakonta Psenny.
Il-ġurnalist innifsu iktar tard intlaqat minn tir fil-minkeb tax-xellug waqt li kien għaddej f'ħidma ta' salvataġġ jassisti uħud minn dawk li ħarbu midruba mis-sala.