Filmat: “Raġel ta’ kull staġun” – Il-President Emeritu dwar Fearne

Read in English.

Il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca ħarġet filmat fejn qalet li hi tapprova lil Chris Fearne bħala kandidat għall-irwol ta’ Mexxej tal-Partit Laburista.

Fearne kien l-ewwel persuna li ħabbar il-kandidatura tiegħu wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li se jkun qed jirreżenja mill-irwol ta’ mexxej tal-partit u Prim Ministru wara li jiġi elett mexxej ġdid għall-Partit Laburista.

Fil-messaġġ tagħha, Coleiro Preca qalet li hi ilha taf lil Fearne għal ħafna snin u ddeskrivietu bħala “raġel ta’ kull staġun”. Hi rrimarkat li Fearne, li huwa pedjatriku, huwa mħarreġ sabiex jieħu deċiżjonijiet deċiżivi u għandu l-kapaċitajiet kollha sabiex joħroġ lill-pajjiż mit-taqlib politiku li jinsab fih.

Il-President Emeritu qalet li hi tiftakru jaħdem bħala voluntier fil-Partit Laburista, fejn kien isemma leħnu dwar dak li kien jinkwetah u jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn sabiex isir dak li hu ġust.

Hi żiedet tgħid li t-trobbija tiegħu wasslet sabiex hu jiżviluppa fir-raġel li hu llum, raġel li jħobb lil pajjiżu. Coleiro Preca qalet li Fearne huwa bniedem li jaħdem fis-skiet sabiex itejjeb ħajjet persuni oħrajn.

Coleiro Preca qalet li kemm il-pajjiż, kif ukoll il-partit, għandhom bżonn fejqan immedjat. Sostniet li Fearne huqa l-persuna ġusta għal dan ix-xogħol.

“Fearne jifhem sew lin-nazzjon. Jifhem l-uġigħ ta’ dawk li taw ħajjithom għall-partit u għall-pajjiż,” qalet Coleiro Preca. Hi żiedet tgħid li tinsab ċerta li Fearne se jisma’ l-pariri ta’ kulħadd u fejn jista’ jieħu azzjoni dwarha.

“Fearne huwa l-Prim Ministru li Malta għandha bżonn sabiex tgħeleb dan il-mument diffiċli,” temmet tgħid Coleiro Preca.