Filmat: Raġel b’sikkina pprova jħanxar għonq passiġġieri f’tube f’Londra

Raġel ipprova jħanxar għonq ta' passiġġier li kien fl-istazzjon metropolitana ta' Leytonstone f'Londra. 
Ir-raġel, li beda jhedded ukoll iktar passiġġieri li kienu fl-istazzjon, ġie arrestat mill-pulizija wara li użaw it-taser gun, pistola li tagħti x-xokkijiet. 
L-attakk ġara wara t-tmienja tal-bieraħ filgħaxija fil-preżenza ta’ għexieren ta’ passiġġieri oħra.
Għadha mhix magħrufa l-kundizzjoni tal-vittma iżda jidher li qiegħed f’kundizzjoni gravi.  Żewġ persuni oħra kellhom jiddaħħlu l-isptar minħabba l-feriti li ġarrbu. 
Uħud mix-xhieda qed jgħidu li r-raġel beda jgħajjat frażijiet favur is-Sirja.  
Skont il-ġurnal Mirror, ir-raġel qal “dak li jiġri meta tmur kontra s-Sirja, id-demm se jinxtered lura.” 
Fuq Twitter, Richard Walton, il-pulizija ta' Scotland Yard responsabbli mit-taqsima ta’ kontra t-terroriżmu, qal li dan hu attakk terroristiku.
Mill-filmati li nġibdu bil-mowbajl, jidher ċar li l-aggressur għandu ftit aktar minn 20 sena.  F’ħin minnhom, fil-filmat jinstema’ passiġġier jgħidlu “ Int mhux Musulman, int m’intix Musulman ta’ vera!”
Din il-ġimgħa, il-Parlament Ingliż, bl-appoġġ tal-Oppożizzjoni Laburista, awtorizza lill-gvern biex jibda jattakka mill-ajru lit-terroristi tal-Istat Iżlamiku fis-Sirja.