Filmat: Quddies u mixja għat-tnedija tal-Fondazzjoni Karl Vella

Dalgħodu tnediet uffiċjalment il-Fondazzjoni Karl Vella, fondazzjoni magħmula minn numru ta’ voluntiera li għażlu li jimxu fuq il-passi ta’ Karl Vella u jkunu ta’ ispirazzjoni fost dawk li qed isofru bħalma kien qed ibati hu.
It-tnedija bdiet b’quddies ta’ radd il-ħajr iċċelebrata fil-knisja parrokkjali ta’ San Ġiljan, li ġiet ikkonċelebrata mill-Isqof Awżiljarju l-Mons. Charles Scicluna. Wara kien hemm mixja qasira.
Għal din l-attività attendiet ukoll il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, li faħħret lill-membri ta’ din il-fondazzjoni. Faħħret b’mod speċjali lill-armla Rose Vella, ż-żewġ uliedha ċkejknin li minkejja t-telfa kbira li ġarrbu ddeċidew li jkomplu l-missjoni ta’ Karl Vella, li kienet dik li tagħti għajnuna psiko-soċjali u edukattiva lil tfal li l-ġenituri u familjari tagħhom ntlaqtu minn mard serju.
Il-President qalet li tħossha kburija tara din is-solidarjetà u appellat lill-għaqdiet non-governattivi biex jaħdmu għall-istess għan, fosthom għal dawk milquta bil-kanċer u mard serju ieħor.
Il-Fondazzjoni Karl Vella nħolqot ftit xhur ilu bl-iskop nobbli li tgħin lil tfal li l-ġenituri jew familjari tagħhom għaddejjin minn perjodu ta’ mard serju. Huma jipprovdu mhux biss għajnuna materjali iżda anki dik psikoloġika u edukattiva.
Min jixtieq isir voluntier mal-Fondazzjoni jista’ jibgħat imejl fuq info@karlvellafoundation.org.
 
Filmat: Reel8 Productions
Ritratti: DOI – Clifton Fenech