Filmat: Qtil Ħal Far: Qatt ma smajt argumenti biex tintrefa’ responsabbiltà politika – PM

 

Read in English.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li huwa qatt ma sema’ argumenti biex tintrefa’ responsabbilità politika f’każi bħal qtil kiesaħ u biered tar-raġel mill-Kosta tal-Ivorju, allegatament minn żewġ membri tal-Forzi Armati ta’ Malta.

AQRA: Aġġornata (2): Iwieġbu mhux ħatja s-suldati akkużati bil-qtil f’Ħal Far

AQRA: L-Arċisqof b’donazzjoni għall-armla u wlied l-immigrant maqtul f’Ħal Far

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar jekk hux se tintrefa’ responsabbilità politika dwar il-qtil ta’ Lassana Cisse Souleymane, Dr Muscat wieġeb jekk il-mistoqsija tfissirx li dawn intbagħtu minn xi Ministru.

Il-ġurnalista ta’ Newsbook.com.mt kompliet issostni li mhux dik kienet il-mistoqsija tagħha, iżda jekk hux se tintrefa’ responsabbiltà politika minħabba li ż-żewġ suspettati huma impjegati tal-istat u li parti minn dmirhom hu li jipproteġu liċ-ċittadini.

Muscat wieġeb li qatt ma sema’ dawn it-tip ta’ argumenti meta fl-2012 kienet ‘mietet’ persuna f’vann ta’ detenzjoni. Muscat saħaq li l-argument li kien intuża dak iż-żmien qatt ma ġie sfidat. Il-Prim Ministru kompla jgħid li għalkemm dawn il-persuni ma kinux instabu ħatja ta’ qtil involontarju, ma kienx sema’ dawn it-tip ta’ argumenti dak iż-żmien.

Mamadou Kamara, immigrant mill-Mali kien ‘miet’ f’vann tad-detenzjoni. Kamara kien ġie arrestat wara li ħarab miċ-Ċentru tad-Detenzjoni. Fil-każ ta’ Kamara żewġ suldati kienu ġew akkużati bil-qtil involontarju ta’ Kamara. Fil-każ ta’ Cisse, żewġ suldati qed jiġu akkużati li r-reati kienu mmotivati b’mibgħeda kontra persuni fuq bażi ta’ razza fost oħrajn.

Waqt li qed iwieġeb lill-midja oħra għall-mistoqsijiet simili, Muscat staqsa jekk hux qed jiġi mistoqsi li jkun hemm responsabbilità politika talli nqabdu l-allegati persuni.

Il-Prim Ministru kompla jgħid li huwa jifraħ lill-Pulizija tax-xogħol li għamlu u ddeskrivieh bħala impekkabbli. Saħaq li m’hemmx dubju li t-tmexxija tal-Armata hi waħda tajba ħafna, iżda fl-istess ħin se jkomplu jaraw jekk hemmx xi ħaġa oħra.

Inawgurata l-ewwel fażi tal-proġett tal-binja tal-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport fl-MCAST

Il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej kif ukoll is-Segretarju Parlamentari għas-Simplifikazzjoni ta’ Proċessi Amministrattivi Julia Farrugia Portelli kienu qed jattendu għall-inawgurazzjoni tal-ewwel fażi tal-proġett tal-binja tal-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport fl-MCAST.

Waqt l-inawgurazzjoni ġiet mneda uffiċjalment l-istrateġija tal-MCAST għas-snin 2019-2021.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt id-diskors tiegħu qal li dan kien b’investiment ta’ €6 miljun u kien parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea.

DOI / Clodagh Farrugia O’Neill