Filmat: “Qomna b’kommozzjoni u splużjoni ta’ windscreen”

 

Ir-residenti fi Triq Santu Wistin fil-Ħamrun għexu dik li ddeskrivew bħala “ħolma kerha”, hekk kif fis-satra tal-lejl nirien ħakmu żewġ karozzi pparkjati.

Kien għall-ħabta tat-3.30am meta residenti li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li qamu maħsuda bil-kommozzjoni fit-triq u bi splużjoni ta’ windscreen ta’ karozza. Il-karozzi maħruqa kienu BMW u Alfa Romeo.

Fit-triq intlemħu wkoll xi persuni joħorġu l-bagalji mid-djar fejn jgħixu, minħabba l-biża’ li darhom tieħu n-nar ukoll.

Minkejja li marret ambulanza fuq il-post, kelliema għall-Pulizija qalet ma’ Newsbook.com.mt li ħadd ma weġġa’ f’dan il-każ. Ikkonfermat li l-Pulizija qed tinvestiga. In-nirien intfew minn Membri tal-Protezzjoni Ċivili.