Filmat: ‘Qegħdin viċin il-kosta, imma n-nies tħallew isofru’ -MP Ġermaniż

Frank Schwabe, Membru tal-Parlament Ġermaniż mill-Partit tas-Soċjalisti u Demokratiċi Ġermaniż, huwa parti minn delegazzjoni li bħalissa tinsab fuq Sea-Watch 3, il-bastiment tas-salvataġġ ċivili li fit-22 ta’ Diċembru salva 32 persuna mill-għarqa u li bħalissa jinsab fl-ibħra Maltin jistkenn mill-maltemp. Id-delegazzjoni hi magħmula minn Membri Parlamentari tal-Parlament Ġermaniż u Membri Parlamentari Ewropew. Huwa spejga kif fl-aħħar mill-aħħar iż-żewġ dgħajjes Sea-Watch 3 tal-għaqda Sea-Watch u Professor Albrecht Penck tal-għaqda Sea-Eye huma Ġermaniżi minkejja li waħda mid-dgħajjes hi rreġistrata fl-Olanda.

Schwabe tkellem ma’ Newsbook.com.mt u qal li bħalissa jinsab fuq Sea-Watch, iddeskriva s-sitwazzjoni stramba ħafna hekk kif il-bastiment jinsab viċin ħafna tal-kosta iżda fl-istess ħin in-nies qed jitħallew jsofru u jgħixu fuq id-dgħajsa.

Kompla jsostni li hi kwistjoni ta’ umanità, li jinsab fuq dgħajsa li tinsab daqstant viċin tal-kosta, qal li filwaqt li tista’ tiddiskuti diversi affarijiet u politika u diffiċli għal diversi pajjiżi, iżda x’ħin tkun hawn u tara l-kosta, daqstant viċin, tibqa’ ma tistax tifhem għala dawn in-nies għandhom jitħallew isofru.

Spjega kif in-nies qed ibatu wara 14-il ġurnata b’persuni jinsabu dgħajfa, u għaddejjin minn problemi psikoloġiċi. Huwa saħaq kif li ħafna minnhom mhux jifhmu x’inhu għaddej, u spjega li kif fil-ftit siegħat li ilu fuq id-dgħajsa ma jħossux tajjeb minħabba l-baħar u spjega kif dawn il-nies ilhom hemm għal jiem.

“Bżonn urġenti li tinsab soluzzjoni”

Schwabe qal li jekk fehem sew il-Kummissjoni Ewropea sabet biżżejjed pajjiżi biex jieħdu 49 persuna li jinsabu fuq Sea-Watch 3 u Professor Albrecht Penck. Huwa kompla billi ħeġġeġ il-Gvern Malti biex iħalli lill-immigranti jidħlu biex umbgħad jiġu trasferitti lejn pajjiżi oħra Ewropej li jidher li lesti jieħdu l-persuni. Schwabe sostna li qed jappella wkoll lill-Gvern Ġermaniż li jieħdu n-nies mid-dgħajjes, u semma’ kif diversi sindki fl-Italja wrew l-appoġġ tagħhom li lesti jieħdu persuni mid-dgħajjes. Kompla jispjega kif is-sitwazzjoni trid trid tiġi indirizzata b’mod immedjat li fuqha hemm tlett itfal żgħar bejn 6-7 snin. Qal li din tibqa’ kwistjoni ta’ umanità li jingħataw port fejn jistgħu jidħlu.

AQRA: “Tħallux l-immigranti fil-baħar” – UE lill-Istati Membri

“Hemm bżonn ta’ ftehim ċar fuq livell Ewropew”

Huwa saħaq ma’ Newsbook.com.mt li din mhux se tkun l-aħħar darba li se jkun hemm dgħajsa li ssalva l-immigranti, u għalhekk bżonn ftehim ċar fuq livell Ewropew, u li fih Malta jkollha l-garanzija li dawn se jiġu relokati. Huwa qal li jifhem it-tħassib ta’ Malta u l-pajjiżi fir-reġjun dwar min se jieħu responsabbilità għall-immigranti.

AQRA: Immigranti: 14-il ġurnata bejn sema u ilma; jintbagħtu d-dgħajjes minn Malta

Liema pajjiżi se jieħdu l-persuni fuq Sea-Watch 3 u Professor Albrecht Penck?

Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-kelliema Mina Andreeva għall-Kummissarju Ewropew dwar l-Immigrazzjoni Dimitris Avramopoulos qalet li hemm diversi pajjiżi li wrew interess li tinsab soluzzjoni malajr biex il-persuni jitniżżlu minn fuq iż-żewġ bastimenti. Hi qalet li hemm numru ta’ Membri Stati li wrew ir-rieda li jgħinu u juru appoġġ ma’ Malta, iżda saħqet li mhux se tkun qed tħabbar hi qabel dawn il-Membri Stati jħabbru huma stess.

S’issa jidher li l-Ġermanja, l-Olanda u Franza lesti li jieħdu l-persuni abbord il-bastimenti li qed iffittxu ażil skont diversi rapporti. Filwaqt li diversi sindki Taljani minkejja d-deċiżjoni tal-Ministru tal-Intern Taljan Matteo Salvini qalu li lesti jilqaw dawn il-persuni.

Ritratti: Chris Grodotzki/Sea-Watch