Filmat: “Qegħdin kmieni” – il-President ta’ Steward dwar l-iskola suppost lesta fl-2016

Il-President ta’ Steward Health Care International Dr. Armin Ernst qal li l-proġett tal-iskola medika ta’ Barts f’Għawdex mhux tard, anzi qal li huwa kmieni minkejja li kellu jitlesta fl-2016.

Ma’ Newsbook.com.mt, Ernst qal li ċ-ċentru tal-anatomija tlesta u l-iskola medika f’Għawdex hija nofsha lesta.

Fid-diskors tiegħu fil-ftuħ taċ-ċentru tal-anatomija, Ernst qal li Steward daħlu bħala caretakers fi ftehim mal-Gvern. Qabel, il-Gvern kien iffirma kuntratt mal-kumpanija Vitals Global Healthcare, kumpanija li ma kellha l-ebda esperjenza fit-tmexxija ta’ sptarijiet. Armin Ernst kien il-Kap Eżekuttiv tal-Vitals.

“Irridu nagħtu kura eċċellenti”

Ernst qal ma’ Newsbook.com.mt li fil-fehma ta’ Steward, huma jridu jieħdu ħsieb il-ftehim li daħlu għalih għax wara 30 sena, l-isptarijiet jerġgħu jingħataw lura lill-Gvern. Matul dak iż-żmien, hu qal li jridu jagħtu kura medika eċċellenti lill-pazjenti.

Spjega li l-iżvilupp tal-isptar Ġenerali ta’ Għawdex ħa l-ħin u r-riżorsi kollha ta’ Steward. Qal li sakemm kulħadd ikun fl-ambjent li jistħoqlu, ma jistenniex li kollox jimxi ħarir.

Il-konsorzju Vitals Global Healthcare kien rebaħ il-proċess tal-għażla sabiex jikkollabora mal-Gvern fit-tmexxija tal-isptarijiet San Luqa, Karin Grech u dak Ġenerali t’Għawdex. Il-kumpanija privata kienet ħallset €3 miljun lill-Gvern talli taha l-art, li fuqha kellha tagħmel investiment ta’ €200 miljun, parti minnu għal turiżmu mediku kummerċjali. Il-Partit Nazzjonalista kien qal li l-Gvern daħal f’dan il-ftehim miżmum mistur li kien jiswa’ aktar minn €2.1 biljun.

Skont is-Segretarju Ġenerali tal-MAM Dr Martin Balzan waqt laqgħa li saret bejn l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) u l-Gvern, il-Gvern qabel mal-MAM li l-l-mudell ta’ private/public partnership (PPP) użat mal-Vitals falla, u li jekk jagħmel PPP ieħor jagħmlu differenti.

Filwaqt li l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li n-negozjati ma’ Steward Health Care huma konklużi u lesti, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li t-taħdidiet li għaddejjin bħalissa huma biex jitkomplew jiżdiedu s-servizzi tas-saħħa.

Muscat u Fearne qalu dan ma’ Newsbook.com.mt fil-ftuħ taċ-ċentru tal-anatomija tal-iskola medika Barts f’Għawdex. Muscat qal li n-negozjati ma’ Steward huma “konklużi u lesti”. Min-naħa tiegħu, Fearne qal li t-taħdidiet ma’ Steward Health Care ilhom għaddejjin minn meta Steward kienu Malta. Żied jgħid li “t-taħdidiet li għaddejjin bħalissa huma biex jitkomplew jiżdiedu s-servizzi li jistgħu joffru Steward Health Care lejn il-popolazzjoni Għawdxija u Maltija.”

Filmat: Christoph Schwaiger