Filmat: Qed tibża’ tmur l-isptar? Twieġeb Prof. Gauci

Is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, appellat lill-pubbliku sabiex ma jibżax imur għall-kura fejn jidħol mard li m’għandux x’jaqsam mal-COVID-19. Insistiet li qed jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex is-saħħa ta’ kulħadd tiġi ssalvagwardjata.

Hi kienet qed twieġeb għal mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt wara li tat l-aħħar aġġornament b’rabta mal-coronavirus fil-pajjiż. Illum tħabbru total ta’ sitt każi ġodda, biex b’hekk issa f’Malta hawn 299 każ.

Newsbook.com.mt staqsa jekk f’Malta hawnx persuni li qed jiżbgħu jmorru l-isptar biex jirċievu l-kura. Dan hekk kif madwar id-dinja żdiedu l-imwiet b’rabta ma’ mard ieħor li mhux relatat mal-coronavirus minħabba biża’ li jekk imorru l-isptar jimiridu.

Is-Superintendent sostniet li din is-sitwazzjoni qed tidher f’Malta wkoll. Qalet li minkejja li f’Malta waslet ukoll is-sitwazzjoni tal-COVID-19, dan ma jfissirx li l-mard kollu l-ieħor waqaf. Spjegat li min per eżempju għandu mard tal-qalb, xorta waħda qed ikollu kumplikazzjonijiet minħabba l-istess mard, similarment dawk li għandhom mard respiratorju. Insistiet sabiex dawk kollha li għandhom bżonn il-kura l-isptar ma joqgħodux jibżgħu jmorru għall-kura. Irrimarkat li jekk wieħed ma jmurx għall-kura, il-kumplikazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu jistgħu jkunu aktar gravi.

F’każi bħal dawn il-mortalità tibda tiżdied

Prof Gauci rrimarkat li f’ċirkustanzi bħal dawn wieħed jibda jara li meta jqabbel ċertu mortalità, f’ħafna pajjiżi, mhux biss f’Malta, ir-rata tal-mortalità tibda tiżdied. Qalet li dan minħabba li n-nies jibdew jibżgħu jmissu mas-servizzi tas-saħħa u għalhekk in-nies joqgħodu lura milli jmorru għall-kura li hemm bżonn.

Il-Professur kompliet billi assigurat lill-pubbliku li qed jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa l-isptar jinżamm sigur u biex ikunu jistgħu jiġu kkurati kemm dawk in-nies li għandhom bżonn kura minħabba l-COVID-19 u anke n-nies li għandhom bżonn kura għal kundizzjonijiet oħrajn.

Min-naħa tagħha, il-Konsulent fil-Mediċina fil-qasam tas-Saħħa Pubblika Tanya Melillo, waqt Newsbook Q&A ma’ Sylvana Debono, insistiet li jekk wieħed għandu xi ħaġa gravi ma jistgħax joqgħod id-dar. Fost l-eżempji li tat tkellmet dwar persuni li jtihom attakk tal-qalb jew tal-appendiċite. Insistiet li jekk wieħed jibqa’ d-dar jinsab f’riskju akbar li jitlef ħajtu.

Hi kompliet billi spjegat li bħalissa, l-Isptar Mater Dei inqasam fi tnejn. Qalet li hemm żewġ emerġenzi, waħda għal dawk li għandhom sintomi tal-COVID=19 u parti oħra għal persuni li għandhom affarijiet oħra mhux relatata mal-COVID-19. “Importanti li jekk xi ħadd għandu bżonn il-kura jmur għaliha,” insistiet Dr Melillo.