​Filmat: Qed nitkellmu ma’ sorsi li beżgħu jitkellmu f’Malta – Ana Gomes

L-Ewroparlamentari Soċjalista Ana Gomes qalet li għadd ta’ sorsi Maltin tkellmu mad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li ġiet tinvestiga s-sitwazzjoni kurrenti f’Malta f’Diċembru li għadda, “peress li ma ħassewhomx siguri li jikxfu dak li jafu mal-Maltin”.
F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, l-MPE Gomes li tagħmel parti mill-grupp Soċjo-Demokratiku (S&D), qalet li din l-informazzjoni se tiġi żvelata fil-mument opportun. Qalet li d-delegazzjoni qed tinvestiga l-kredibbiltà tal-affarijiet li jkunu qed jgħidulhom dawn is-sorsi u li dan il-proċess se jkun qed jieħu l-ħin. Stqarret li d-delegazzjoni għadha f’kuntatt magħhom.
“Bżonn ta’ rieda u kuraġġ politiku”
Dwar ir-rapport tad-delegazzjoni tal-PE, Gomes saħqet li dan jiddeskrivi tajjeb il-laqgħat ta’ diskussjoni li saru f’Malta. Qalet li l-problemi serji li dwarhom jitkellem ir-rapport ma jaffetwawx biss lil Malta iżda anke lill-bqija tal-Ewropa.
Gomes spjegat li l-għan tar-rapport ma kienx biex issir kundanna fuq Malta iżda biex ir-rapport jippermetti lill-awtoritajiet Maltin biex jitgħallmu minnu u jagħmlu t-tibdiliet neċessarji. Qalet li biex isir tibdil irid ikun hemm rieda u kuraġġ politiku.
“Affarijiet li ma jitwemmnux”
Ma’ Newsbook.com.mt Gomes qalet li każijiet bħal dawk tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri li ġew esposti bħala kriminali, huma affarijiet li ma jitwemmnux. Qalet li l-allegazzjonijiet fil-konfront tagħhom saru mill-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU). Fi kliem l-MPE, għal xi raġuni li sejħet disturbanti, ir-rapporti tal-FIAU ma wasslux għal investigazzjonijiet mill-Pulizija.
“Id-diskussjoni dwar Malta se tkompli”
Mistoqsija dwar kummenti li kienet għamlet riċentament biex issir pressjoni fuq il-Prim Ministru Joseph Muscat b’mod speċjali mill-grupp S&D, Gomes qalet li kull grupp politiku għandu jieħu pożizzjoni dwar dawn il-kwistjonijiet. Żiedet tgħid li bħala soċjalista, hija tinsab imħassba l-aktar dwar il-“familja soċjalista” tagħha. Stqarret meta hi tara mġiba ħażina, tħoss dmir li tikxifha.
Gomes stqarret li diġà qed jiġi kkunsidrat li jsiru aktar laqgħat biex id-diskussjoni dwar Malta tkompli.