Filmat: “Qed nistenna parir legali dwar il-kuntratt ta’ Mizzi”

Read in English.

Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli qalet li kien ilbieraħ li skopriet bil-kuntratt ta’ konsulenza li ngħata Konrad Mizzi mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Ilbieraħ it-Times of Malta żvelat li Mizzi tqabbad bħala konsulent mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) inqas minn ħmistax minn meta rreżenja mill-kariga ta’ Ministru għat-Turiżmu.

F’kummenti lill-ġurnalisti dalgħodu, Farrugia Portelli sostniet li l-kuntratt kien iffirmat meta hi kienet għadha ma saritx Ministru. Skopriet bih minn “sors”. Spjegat li qed tistenna parir legali bil-miktub biex fis-sigħat li ġejjin tieħu deċiżjoni skont l-istess parir. Talbet ukoll lista tal-kuntratti li ngħataw fl-aħħar ġimgħat.

Skont it-Times, il-kuntratt ta’ Mizzi huwa datat fid-9 ta’ Diċembru. Il-Gvern qatt ma tkellem dwar il-kuntratt fil-pubbliku sakemm inkixef mil-midja. Skont il-kuntratt Mizzi se jkun qed jitħallas aktar minn €80,000 fis-sena. Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatiska, il-paga edja f’Malta kienet ta’ madwar €19,400 fis-sena.

Il-Gvern se jkun qed jirtira l-mozzjoni tal-bieraħ dwar il-ħatra ta’ Konrad Mizzi bħala kap tad-delegazzjoni Maltija fl-Assemblea Parlamentari għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE.

Fi stqarrija kmieni dalgħodu, il-Gvern qal ukoll li talab parir legali dwar il-validità ta’ kuntratt ta’ konsulenza li kien ingħata lill-istess Mizzi mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu f’Diċembru tal-2019.

Jew Mizzi jew il-poplu – PD

Il-Partit Demokratiku qal li l-PM Robert Abela jrid jagħżel bejn Konrad Mizzi u l-poplu li jobdi l-liġi.

Fi stqarrija, il-PD qal li l-aħbar dwar Mizzi hija daqqa ta’ ħarta f’kull min jistinka u jimxi mar-regoli.