Filmat: “Qed nippruvaw infasslu pjan”

Fl-episodju tal-lejla tas-sensiela L-Għarusa Amelia tkun qed titkellem ma’ kuġintha Bettina u tgħidilha li tixtieq joħorgu ftit u jagħmlu xi ħaġa. Issa li telqu Enrico u Carlotta spiċċatilhom il-vaganza u m’għadhomx igawdu bħal meta kienu hemm huma għaliex Arturo ma jħallihomx. Qabel tgħid kienu forsi joħorġu bi skuża ta’ Enrico u Carlotta.

Diego jirritorna ċ-ċirku biex jipprova jiskopri iktar fuq il-passat tiegħu iżda joħroġ minn hemm diżappuntat għax ma sabx dak li xtaq. Bert qed jieħu pjaċir li Enrico telaq mid-dar Gauci Fontana.

Flaminia tinsab bi dwejjaq kbar b’dak li ġralha u jista’ jkun il-każ li ħadd ma jkun jista’ jgħinha.

Is-Supritendent Fenech Lauri jmur jistaqsi lil Arturo fuq Abela peress li għadu ma nstabx, iżda Arturo jidher mfixkel meta jkun qed jitkellem u s-Supritendent jidher li qed jissuspetta xi ħaġa.

Tgħid x’qed jaħbi Arturo?

L-Għarusa jixxandar fuq TVM fid-8.50pm u għandu kitba ta’ Audrey Brincat Dalli u produzzjoni ta’ Sharp Shoot Media.