Filmat: “Qed niġġieldu kontra għadu li ma jidhirx” – Il-President

Il-President George Vella sostna li f’dawn iċ-ċirkustanzi, qed niġġieldu kontra għadu li ma jidhirx. B’hekk insista li l-informazzjoni hija għodda fundamentali. Dan qalu f’indirizz lill-poplu Malti u Għawdxi fuq l-istazzjon nazzjonali fid-dawl tal-kriżi tal-coronavirus.

Hu rringrazzja lill-awtoritajiet li qed iżommu lill-pubbliku infurmat ta’ kuljum u b’mod regolari dwar l-iżviluppo li jkunu seħħew u l-miżuri li qed jittieħdu.

Il-President saħaq fuq is-sens ta’ responsabbiltà li għandu jmexxi lill-poplu f’kull pass li jieħu. Qal li d-direttivi li qegħdin jagħtu l-awtoritajiet politiċi u tas-saħħa huma maħsuba għall-ġid aħħari tal-poplu kollu, u jridu jiġu osservati bla ebda eċċezzjoni. Qal li jekk il-pubbliku jonqos milli jagħmel dan ikun qed jesponi mhux biss lilu nnifsu u lil qrabatu, iżda anki lill-komunità kollha.

Jindirizza lil dawk kollha li għandhom il-coronavirus

Fl-indirizz tiegħu lill-poplu Malti u Għawdxi, il-President qal lil dawk kollha li ntlaqtu mill-virus sabiex jagħmlu kuraġġ u li jinsabu fil-ħsibijiet u fit-talb ta’ bosta. Qal li huma jinsabu wkoll f’idejn tajba u l-kura li qed jirċievu hija waħda mill-aqwa.

Hu kompla billi wassal l-apprezzament tiegħu lill-ħaddiema kollha tas-settur tas-saħħa, u lil dawk kollha f’dipartimenti oħra, kif ukoll lill-voluntiera, li qed jagħmlu sagrifiċji kbar u jidħu f’riskju personali biex iduru bil-pazjenti. Qal li dawn, fl-istess waqt, qed jieħdu ħsieb l-interess tal-pajjiż kollu f’dak li għandu x’jaqsam mas-saħħa pubblika.

“Hemm ħafna mezzi kif min huwa iżolat infakkruh li mhuwiex minsi”

Il-President qal li fl-aħħar sigħat il-poplu wera diversi azzjonijiet ta’ solidarjetà u espressjonijiet ta’ ħajr lit-tobba u l-infermiera. Qal li hemm solidarjetà oħra li tajjeb inwasslu ma’ min hu fil-qrib tagħna. 

Hu appella sabiex kull min jista’ jieħu l-inizjattiva u jgħin lill-anzjani u dawk li huma l-aktar vulnerabbli minn oħrajn, li forsi daż-żmien iktar minn qatt qabel qed iħossuhom mitlufin u mifxulin. Sostna li hu biżżejjed  li wieħed forsi jagħmel telefonata ta’ kuljum biex jara kif inhi saħħithom u joffri kelma ta’ kuraġġ u jistaqsi jekk jistgħux jgħinuhom f’xi ħaġa, jew f’xi qadja.  “Hemm ħafna mezzi kif min huwa iżolat infakkruh li mhuwiex minsi,” insista l-President.

Messaġġ lill-barranin

Il-President għamel messaġġ ukoll lill-barranin li jgħixu f’Malta. Qal li huma mħassbin fuq l-istess affarijiet li dwarhom huwa mħasseb il-poplu Malta. Insista li kollha ninsabu fl-istess ilma. Qal li s-saħħa tal-barranin li jgħixu Malta hija prijorità għall-pajjiż ukoll.

Hu ħeġġeġ lill-barranin sabiex huma wkoll josservaw id-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa u jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex iżommu lilhom innifishom u lil ta’ madwarhom siguri.

“Riperkussjonijiet ferm akbar mis-saħħa pubblika”

Il-President sostna li r-riperkussjonijiet li se ġġib magħha din il-pandemija huma ferm akbar mis-saħħa pubblika biss. Qal li, kif diġà qed jidher, din se tolqot ukoll l-oqsma ekonomiċi u dawk soċjali. Qal li dan jgħodd mhux biss għal Malta, iżda wkoll għall-komunità internazzjonali kollha.

Sostna li l-livell ta’ koperazzjoni internazzjonali sa issa huwa sod, u jemmen li se jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex l-impatt ma jinġarrx mill-iktar dgħajfa. “L-ebda pajjiż jew poplu mhu ser jitħalla waħdu,” insista l-President.

Mil-lat soċjali, qal li qed ikun hemm min ikollu jiċċaħħad mill-użanzi u mid-drawwiet ta’ kuljum – min bix-xogħol, l-iskola, jew attivitajiet soċjali li ħafna drabi huma mibnija fuq laqgħat tal-familji u tal-komunità. 

“Naf li din iċ-ċaħda taf twassal għal solitudni u forsi anki iżolament, iżda hija waħda bżonnjuża u ma rridux inċedu. Il-mezzi tat-teknoloġija tal-lum jippermettu li ħafna mix-xogħol isir, il-lezzjonijiet jitwasslu u l-kuntatti xorta waħda jinżammu,” qal il-President.

Appell għall-għaqal u għat-tama

Il-President temm il-messaġġ tiegħu b’appell għall-għaqal u għat-tama. Sostna li l-Maltin magħrufa għal kif kapaċi jirpiljaw minn sitwazzjonijiet agħar. Irrimarka li bl-għaqda ta’ bejnietna għelibna bosta diffikultajiet u ostakli fil-passat.

“B’determinazzjoni, b’dixxiplina, is-solidarjetà, u fuq kollox bl-għajnuna t’Alla, ninstab ċert li se nerġgħu nsibu saqajna u nkomplu fejn ħallejna,” temm jgħid il-President.