Filmat: “Qed nafdawkom biex tkunu l-artisti tal-kartolini uffiċjali għal dan il-Milied” – Lydia Abela

It-tfal kollha li jgħixu fid-djar residenzjali qegħdin jiġu afdati mill-Prim Ministru Robert Abela u martu Dr Lydia Abela biex din is-sena jkunu huma l-protagonisti tal-kartolini uffiċjali tal-Milied għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

F’messaġġ li fih nediet din l-inizjattiva, Dr Lydia Abela qalet li l-kartolini tal-Milied jibqgħu l-iktar mezz effettiv u ġenwin biex twassal il-messaġġ tiegħek għall-Milied.

Qalet li minħabba l-pandemija, l-2020 ma kienet sena faċli għal ħadd u anke l-Milied ta’ din is-sena se jkun differenti għax b’rispett lejn xulxin, mhux se nkunu nistgħu niltaqgħu fi gruppi ta’ ħafna nies għall-attivitajiet tradizzjonali li mdorrijin bihom.

Minkejja dan qalet li rridu ngħixu dan il-Milied bl-istess spirtu li għexna kull Milied ieħor u nimtlew b’sens ta’ paċi u li verament niċċelebraw l-isbaħ xewqat għal xulxin.

Dr Abela qalet li meta hi u l-Prim Ministru ġew biex jiddeċiedu min se jiddisinja l-kartolini tal-Milied għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru, iddeċidew li din is-sena jitolbu lit-tfal fid-djar residenzjali biex joħorġu bit-tpenġijiet u l-messaġġi tagħhom.

“Deċiżjoni żgħira imma simbolika li aħna qrib tagħkom u qed nafdawkom biex tkunu l-artisti tal-kartolini uffiċjali li se jintużaw għal dan il-Milied”, qalet mart il-Prim Ministru.

Dr Abela ħeġġet lit-tfal f’dawn id-djar biex ikunu kreattivi, jużaw l-immaġinazzjoni u l-ideat oriġinali tagħhom u jieħdu sehem.

“It-talent tagħkom nafuh. U issa rridu nsarrfuh fil-kartolini tal-Milied li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru se jibgħat lil tant dinjitarji, entitajiet u persuni oħra lokalment kif ukoll barra minn Malta”, qalet Dr Abela. 

Il-tfal qed jiġu mħeġġa biex fuq karta A4 ipinġu disinn bil-kulur ta’ dak li jfisser għalihom il-Milied u fuq wara jiktbu messaġġ sabiħ biex jiġi inkluż fin-naħa ta’ ġewwa tal-kartolina. It-tfal jistgħu jużaw dak kollu li jridu fosthom żebgħa, crayons, lapsijiet, collage u media digitali.

L-għażla tal-aħjar diżinji u messaġġi għall-kartolini uffiċjali se ssir minn bord li nħatar apposta b’rappreżentanti mill-Kunsill Malti tal-Arti.

Bħala rikonoxximent, it-tfal u ż-żgħażagħ li joħorġu bl-isbaħ xogħol se jingħataw stedina għall-produzzjonijiet tal-istaġun Żigużajg waqt li t-tfal kollha li se jipparteċipaw se jingħataw l-opportunità jattendu għal lezzjonijiet b’xejn fl-Iskola tal-Arti biex ikomplu jiżviluppaw it-talenti tagħhom.

Se jingħtaw ukoll diversi riżorsi tal-arti lid-djar residenzjali li jieħdu sehem. Is-sottomissjonijiet kollha tat-tfal se jiġu esebiti f’wirja speċjali mtellgħa fi Spazju Kreattiv.

It-tfal bl-għajnuna tat-tmexxija tad-djar residenzjali għandhom sal-Ġimgħa, 27 ta’ Novembru biex jibagħtu bil-posta d-disinn tagħhom fuq l-indirizz: ‘Kartolina tal-Milied, L-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Berġa ta’ Kastilja, Belt Valletta’, jew bl-email fuq kartolinamilied@gov.mt.