Filmat: Qed jiżdiedu l-ġuvintur li jweġġgħu lilhom infushom

Madwar id-dinja, għadd ta’ ġuvintur li jweġġgħu lilhom infushom dejjem qed jiżdied, għalkemm każi ta’ self harm fost it-tfajliet għadhom l-aktar popolari.
Ma’ Newsbook.com.mt, iċ-ċermen tas-servizzi tas-Saħħa Mentali, Dr Anton Grech spjega li għalkemm f’Malta, il-każi ta’ self harm żdiedu, meta mqabbla ma’ dik internazzjonali, ir-rata hija l-istess.
Kuljum tliet żgħażagħ jispiċċaw l-isptar minħabba li jkunu weġġgħu lilhom infushom.
Iżda xi tfisser eżatt self-harm u min hu l-aktar vulnerabbli li jasal biex jagħmel ħsara lilu nnifsu?
Dr Anton Grech spjega li hemm żewġ tipi ta’ self harm. Hemm min iweġġa’ lilu nnifsu għax ikun irid imut u hemm oħrajn li jkunu jridu jiġbdu l-attenzjoni.
Żied li madwar 90% ta’ dawk li jweġġgħu lilhom infushom ikollhom problema psikjatrika.
Dr Grech spjega wkoll li self harm ma tfissirx biss li wieħed jagħmel qatgħa fuq ġismu, imma kull ħaġa li tista’ tagħmel ħsara lis-saħħa ta’ dak li jkun taqa’ taħt din il-kategorija.
Minn ċifri internazzjonali, żgħażagħ viċin l-20 sena, huma l-aktar li jagħmlu ħsara lilhom infushom biex jiġbdu l-attenzjoni, imbagħad aktar ma’ wieħed jikber fl-età, aktar hemm ċans li jweġġa’ lilu nnifsu biex ineħħi ħajtu.
Dr Anton Grech ħeġġeġ biex il-ġenituri dejjem iżommu kuntatt mat-tfal tagħhom għax jekk ikunu qed jagħmlu self harm dan ikun evidenti. Żied li l-ġenitur m’għandhomx jitratenu u għal każi ta’ self harm mill-ewwel ifittxu l-għajnuna ta’ speċjalista.
Fl-aħħar xhur tnediet il-Fondazzjoni Lisa Maria, bil-għan li toħloq iktar għarfien u edukazzjoni għal tfal, ġenituri u dawk kollha li jaħdmu mat-tfal u ż-żgħażagħ dwar l-użu sigur tal-midja soċjali.