Filmat: “Qatt ma mmaġinajt li nsemma’ din il-kanzunetta”

Waqt l-ewwel live show ta’ X Factor Malta tal-Ħadd li għadda Dav.Jr tela’ fuq il-palk u ppreżenta kanzunetta oriġinali, Life Is Good. Il-prestazzjoni tiegħu fuq il-palk f’Ta’ Qali l-Ħadd li għadda ntlaqgħet tajjeb ferm.

Iżda wara Life Is Good hemm storja interessanti.

“Bħal daż-żmien is-sena l-oħra ktibt din il-kanzunetta u qatt ma mmaġinajt li kienet se toħroġ ‘il barra mill-erba’ ħitan ta’ kamarti,” stqarr hu f’messaġġ li kiteb fuq il-paġna tiegħu fuq Facebook.

Huwa esprima lilu nnifsu billi żied jgħid li hija l-ħolma ta’ kull artist li jkun hemm min jirrelata mal-kanzunetti tiegħu.

“Huwa għalhekk li jien nagħmel il-mużika u se nkun qed inkompli nagħmel il-mużika,” kiteb huwa waqt li tenna wkoll li “Qatt m’għandek tissottovaluta l-kontribuzzjoni tiegħek lil din id-dinja”.

Dav.Jr se jkun qed jerġa’ jitla’ fuq il-palk ta’ X Factor nhar il-Ħadd li ġej meta ssir it-tieni live show ta’ din il-kompetizzjoni televiżiva.

Intant infakkrukom li tistgħu tirbħu biljetti għal-live shows tal-Ħadd billi tidħlu fil-paġna Facebook ta’ Newsbook Lifestyle, tagħmlu “like” u ssegwu l-istruzzjonijiet mal-post ta’ din il-kanzunetta.

Il-kanzunetti kollha tal-live shows ta’ X Factor issibuhom ukoll fuq Spotify.