Filmat: “Qatt ma bsart li kont se nimrad jien” – Anzjana li spiċċat l-ITU bil-coronavirus

Anne Cachia, li fl-età ta’ 67 sena nstabet pożittiva għall-coronavirus irrimarkat li qatt f’mitt sena ma kienet timmaġina li kienet se tinstab pożittiva.

Dan qalitu permezz ta’ telefonata li kellha mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u li ġiet ippubblikata fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu.

F’April li għadda, il-ħajja ta’ Anne Cachia inbidlet. Hi daħlet l-Isptar Mater Dei għax bdiet tħoss uġigħ qawwi minn daharha għal qalbha. Malli waslet fl-emerġenza, bil-lejl, sarulha t-testijiet għall-coronavirus bħala parti mit-testijiet ta’ rutina li qed isiru lill-persuni kollha li jmorru l-emerġenza għall-kura.

Spjegat li malli r-riżultat ħareġ pożittiv, hi ttieħdet immedjatament fil-parti tal-ITU li tiffoka fuq pazjenti tal-coronavirus u tpoġġiet f’sala ta’ sitt sodod, waħedha. Qalet li l-kura li rċeviet fl-isptar kienet waħda tajba ħafna. Spjegat kif kellha infermiera li daru biha 24 siegħa kuljum u t-tobba kienu jmorru jkellmuha. Irrimarkat li fiż-żmien tagħha rikoverata fl-Isptar Mater Dei ma kellha bżonn xejn.

Mal-Ministru Fearne, Anne spjegat kif din is-sitwazzjoni li għaddiet minnha wasslitha biex tirrealizza kemm il-bnedmin m’huma xejn. Qalet li meta wieħed jisma’ dwar marda tat-tip dejjem jaħseb li mhux se taqbad lilu iżda hija xi ħaġa li se jimirdu biha nies oħrajn. Qalet li din l-esperjenza waslitha sabiex tibda tgħix ġurnata b’ġurnata.

Temmet billi appellat lil kulħadd biex jobdi mir-regolamenti. Insistiet li l-marda hija waħda “tal-biża’” u ħadd m’għandu jħares lejha bħal qisu xejn mhu xejn.

Filmat: Chris Fearne – Facebook

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn