Filmat qarrieqi dwar l-effetti tal-vaċċin fuq YouTube

Photo: Youtube

Read in English.

Fuq il-media socjali qed jiċċirkola filmat ta’ infermiera fl-Istati Uniti, li jħossha ħażin wara li ngħatat il-vaċċin għal kontra l-COVID-19 bil-filmat jgħid li jekk in-nies jibqgħu jieħdu l-vaċċin se jispiċċa jkollna ġenoċidju tal-massa. Iżda dan mhux minnu hekk kif l-infermiera stess qalet li hi għandha kundizzjoni li jħossha ħażin meta tħoss xi forma ta’ uġigħ.

L-infermiera, Tiffany Dover ikkonfermat dan ftit tal-ħin wara li ħassitha ħażin u stordiet. Dover hi nurse manager fl-isptar fi ħdan il-Catholic Health Initiatives Memorial, f’Chattanooga, Tennessee.

Fil-ħin li ħassitha ħazin Tiffany Dover kienet qed tiġi intervistata live fuq it-televiżjoni hekk kif kienet għadha kemm ħadet it-tilqima kontra l-COVID-19 żviluppat minn Pfizer-BioNTech.

Wara li beda jiċċirkola dan il-filmat b’messaġġi qarrieqa dwar il-vaċċin, The Centers for Disease Control and Prevention tal-Istati Uniti mill-ewwel ppubblika stqarrija biex jiġi spjegat kif m’hix xi ħaġa ġdida li xi ħadd iħossu ħażin wara li jitlaqqam u li għalkemm m’hemm evidenza għalfejn jiġri hekk hu maħsub li r-raġuni hi marbuta mal-proċess biex wieħed jieħu l-vaċċin aktar milli kawża tal-vaċċin.

L-FDA, il-Food and Drug Administartion fl-Istati Uniti qal li l-aktar effetti komuni wara li jingħata l-vaċċin tal-Pfizer-BioNTech huma; uġigħ fejn jiġi amministrat il-vaċċin, għejja, uġigħ ta’ ras, uġigħ fil-muskoli u fil-ġogi u deni.

Ingħad wkoll li kien hemm xi persuni li esperjenzaw allerġija għall-vaċċin u għalhekk l-FDA appellat sabiex min għandu xi kundizzjoni jew ibati minn xi allerġija ikun aħjar jekk għalissa ma jieħdux il-vaċċin.

F’Malta il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM), Dr Martin Balzan, qal li r-riskji li jġib miegħu l-coronavirus huma agħar mir-riskji li għandu l-vaċċin kontra l-coronavirus, u għalhekk hu rakkomandat li kulħadd jieħu l-vaċċin.

Dan ikkonfermah anke d-deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, it-Tnejn wara nofsinhar waqt konferenza tal-aħbarijiet u minn naħa tiegħu indirizza anke lil dawk li huma xettiċi mill-vaċċin minħabba l-varjant il-ġdid tal-COVID-19. Il-Ministru Fearne assigura lin-nies li s’issa għadu ma nstabx il-varjant tal-coronavirus f’Malta.