Filmat: “Anzjan qalli mmur ħdejn oħtu li qed tmut u ma jistax iżurha”

Patri Bertrand Vella, huwa wieħed mit-tliet qassisin Franġiskani Kapuċċini li bħalissa jinsabu f’lock-in fl-Isptar Mater Dei sabiex ikunu hemm għall-pazjenti u l-istaff f’każ ta’ bżonn. Patri Bertrand spjega kif darba minnhom irċieva telefonata ta’ raġel li talbu sabiex iżur lil oħtu li kienet waslet lejn tmiem ħajjitha fl-Isptar Mater Dei. Dan qallu li minħabba li hu anzjan, ma jistax imur iżurha f’dan iż-żmien minħabba d-direttivi li ġab miegħu l-coronavirus.

Patri Vella qal li dan huwa dak li qed iġib miegħu l-COVID-19, nuqqas ta’ kuntatt. Qal li l-Patrijiet Franġiskani Kapuċċini qed jagħtu s-servizz tagħhom fl-Isptar Mater Dei bil-ħila tagħhom kollha, sabiex iżommu l-kuntatt mal-morda u l-istaff.

Spjega kif il-bidu tal-lock-in ħasbu li l-preżenza tagħhom ma kinitx se tkun daqshekk bżonnjuża. Dan hekk kif diversi persuni qalulhom biex ma jżurux lill-morda sakemm ma jkunux imsejħa biex jagħmlu dan. Spjega iżda li huma qed jaħdmu b’mod kontinwu, ġieli jibqgħu barra mis-swali u jitolbu għall-persuni li jkun hemm ġewwa. Qal li jekk ikun hemm bżonn huma jilbsu wkoll il-ħwejjeġ protettiv li jilbsu t-tobba u l-infermiera u jidħlu ħdejn il-pazjenti.

Ma’ Patri Vella, hemm ukoll Patri Elmar Pace u Patri Mario Borg. F’filmat separat, Patri Pace qal li huma ħassew li l-ħidma tagħhom bħala Kapuċċini fl-Isptar Mater Dei kellha titkompla. Issa ilhom ma joħorġu mill-isptar għal 15-il jum. Spjega li l-ħidma tagħhom hija li jkunu dawk li jwasslu l-kuraġġ u l-preżenza ta’ Alla ġol-isptar u jgħaddu kelma ta’ sostenn lil dawk kollha li huma morda jew jinsabu fi żmien diffiċli.

“Qabel konnha sitta imma ridna nibżgħu għas-saħħa tal-anzjani”

Intervistat minn Fr Joe Borg waqt il-programm Newsbook Hour fuq l-istazzjon tar-radju 103, Fr Vella spjega li qabel iż-żmien tal-lock-in fl-Isptar Mater Dei kien hemm sitt kappillani. Qal li ttieħdet deċiżjoni li tissalvagwardja s-saħħa ta’ dawk il-Patrijiet avvanzati fl-età u b’hekk baqgħu biss tlieta.

Hu spjega li ddeċidew li jagħmlu l-lock-in ukoll sabiex jipproteġu lill-Patrijiet anzjani li hemm jgħixu fil-kunventi. Dan biex ma jirriskjawx is-saħħa tagħhom jekk ikunu ġejjin u sejrin mill-isptar.

Spjega kif huma kellhom kuntatt ma’ persuni morda bil-COVID-19. Qal li kellu esperjenza ħdejn persuna fl-ITU li ma kinitx konxja. Semma esperjenza oħra ma’ raġel ieħor li kien għadu kif irċieva l-aħbar li nstab pożittiv għall-coronavirus u dab lilu nniffsu mwerwer mill-aħbar, tant li lill-Patri qallu “fathew jiena bdejt it-triq għall-mewt.” Min-naħa tiegħu Patri Vella spjegali li mbilli nstab pożittiv ma jfissirx li kien se jmut.

Patri Vella spjega kif qabel fl-isptar kienu jaqdu lill-pazjenti lebsin iċ-ċoqqa. Din kienet l-ewwel ħaġa li ntalbu ma nilbsux iktar. Dan hekk kif it-tarf tal-libsa jew iċ-ċimblu jista’ jaqbad magħhom il-virus u b’hekk ikun hemm riskju li l-virus jgħaddi minn pazjent għall-ieħor. Minn għada, dawn il-Patrijiet se jingħataw uniformi addattata għal dan iż-żmien fl-isptar. L-uniformi se tkun bajda u fuq l-għonq se jkollhom miktub isimhom u t-titlu ta’ Kappillan.