Filmat: “Qabel l-elezzjoni qalli li jridu lil Godfrey u mhux lili” – Marlene Farrugia

Fl-intervista tal-ġimgħa fuq Newsbook.com.mt, il-ġurnalist Karl Wright jiltaqa’ ma’ Dr Marlene Farrugia li nhar it-Tlieta rriżenjat mill-Partit Laburista u mill-Grupp Parlamentari pero żammet is-siġġu parlamentari tagħha bħala deputat elett mill-elettorat fuq it-tikketta tal-Partit Laburista.
Dr Farrugia tgħid li “hemm differenza kbira bejn il-Partit li qed naraw fil-Gvern illum u dak il-Moviment li wassal għar-rebħa elettorali storika tal-2013. Hemm baħar jaqsam.”
Mitluba tgħid x’wassal għar-riżenja tagħha, speċjalment meta qalet diġà li l-vot dwar il-qasma tal-MEPA kien l-aħħar minn sensiela ta’ affarijiet, id-deputat parlamentari indipendenti semmiet l-ineżistenza ta’ dik li kellha tkun devoluzzjoni tal-poter għand in-nies. Qalet li huma biss erbgħa min-nies li fi kliemha jiddettaw il-policy, individwi li n-nies lanqas biss tafhom minn wiċċhom. Semmiet ukoll deċiżjonijiet bħal taż-Żonqor, il-bejgħ tal-Enemalta u l-AirMalta, l-isfreġju tal-ambjent u ħafna affarijiet oħra li qalet li saru mingħajr ma taw lok għal konsultazzjoni, anzi qalet li wieħed spiċċa jisma’ bihom permezz tal-media.
Dr Marlene Farrugia qalet li problema ta’ dan il-Gvern hija fil-mod kif qed jagħmel l-affarijiet, partikolarment għall-korruzzjoni li għadha qed tiġi investigata.
Dwar il-kumment li diġà għaddiet fil-media dwar il-possibiltà li kien hemm min ried jeħles minnha, Dr Farrugia żvelat kif qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, uffiċjal tal-Partit Laburista qalilha ċar li lil Dr Godfrey Farrugia riduh, imma lilha le. Kompliet tiżvela li hi ċara l-istrateġija biex madwar ħames jew sitt persuni oħra jitwarrbu mill-Grupp Parlamentari, anki jekk mhux bilfors issa. Temmet tgħid li min mhuwiex “yes man”, m’għandux futur.