Filmat: “Qabditni rogħda ma’ ġismi kollu” – Patri Giovanni Cefai

Patri Giovanni Cefai sostna li malli sar jaf bl-aħbar li ġie nominat mill-Papa Franġisku bħala l-ewwel Isqof Prelat ta’ Huancané fil-Perù, qal li qabditu roda ma’ ġismu kollu. Sostna li mal-aħbar li tah in-Nunzju Appostoliku rkuptejh ma setgħux jieqfu jirtodu.

Patri Cefai kien qed jitkellem ma’ Fr Joe Borg f’intervista propju ftit sigħat wara li ħarġet l-aħbar. Sostna li joħodha b’ħafna umiltà għax jaf li l-Mulej jagħmel affarijiet kbar permezz ta’ nies żgħar u umli. Spjega li din mhix missjoni tiegħu waħdu iżda fid-Djoċesi tiegħu se jkun hemm madwar 13-il qassis.

Patri Għawdxi nominat mill-Papa biex isir Isqof fil-Peru

Patri Cefai sostna li t-territorju fih 50 darba iktar minn Malta u Għawdex u fih hemm popolazzjoni ta’ 200,000 persuna. Spjega li dan huwa post li għadu qed jiżviluppa u li dan huwa pass sabiex tingħata l-għajnuna lin-nies fil-mixja tagħhom spiritwali u f’dak li għandhom bżonn fil-ħajja ta’ kuljum.

Patri Giovann twieled fil-5 ta’ Awwissu 1967. Beda n-novizzjat fl-1985, iż-Żebbuġ, u mbagħad bejn l-1986 u l-1988 kompla bl-istudji u l-formazzjoni tiegħu f’Campion House, Londra, waqt li ħadem pastoralment f’bosta ħabsijiet u qrib tal-foqra fit-toroq ta’ Londra. Fis-6 ta’ Diċembru 1997, ġie ordnat saċerdot fil-Katidral ta’ Għawdex, minn Mons. Nikol Cauchi, Isqof ta’ Għawdex.

Kemm l-Arċidjoċesi ta’ Malta kif ukoll id-Djoċesi t’Għawdex ħabbru din l-aħbar fi stqarrijiet separati.

50 sena ta’ ħidma mill-M.S.S.P.

Is-soċjetà ilha taħdem fil-Peru propju 50 sena. Xi xhur ilu, Newsbook.com.mt kien tkellem ma’ Fr Vincent Magro, li għamel snin twal jaħdem fil-Perù ma’ bosta persuni foqra.

Fr Magro kien qed jirrakkonta wħud mill-esperjenzi li għadda minnhom waqt li kien qed jaħdem fil-komunitajiet fil-Perù, missjoni li bdiet fl-1968. Spjega li fil-priedki tagħhom kienu dejjem jaqbżu għall-foqra u jippridkaw dwar il-ġustizzja soċjali. Qal li sabu ħafna każijiet ta’ vjolenza domestika u għaldaqstant bdew jiddefendu wkoll id-drittijiet tan-nisa.

Aqra: Filmat: “Bdejt il-vjaġġ għall-Perù fuq vapur tal-patata”

Aqra: “Jekk terġa’ ssawwat lil mara nibagħtek il-ħabs”

Aqra: “Fil-Perù konna nżewġu 12 f’daqqa”