Read in English.
Omm żewġt itfal li Puttinu Cares kien strumentali fil-vjaġġ tagħhom biex ifiequ, tinsab tant grata lejn din il-fondazzjoni, tant li wara 15-il sena, hi flimkien mal-familja tagħha għadhom imorru jgħinu fil-maratona annwali fil-Grawnds tal-Marsa.
Newsbook.com.mt tkellem ma’ Marilys Mallia fil-ftuħ tal-15-il edizzjoni tal-maratona ta’ 60 siegħa ta’ futbol, biex jinġabru fondi għall-proġetti ta’ Puttinu Cares f’Londra. L-ewwel daqqa ta’ ballun saret miċ-ċkejken Kane Debattista u l-President George Vella.
Ma’ Newsbook.com.mt Marilys spjegat kif 15-il sena ilu, ħarġet il-lukimja lil binha ta’ sentejn disa’ xhur. Fissret kif tul it-tliet snin ta’ kimoterapija sabu sapport kbir minn Puttinu. Kompliet tgħid li wara ċertu żmien, it-tifel l-ieħor marad u Puttinu xorta fetħilhom il-bibien, għalkemm ma kienx marid bil-kanċer.
Newsbook.com.mt tkellem ukoll ma’ Ritianne Brincat, omm oħra, li bintha mardet bil-kanċer ta’ sena u tliet xhur. Wara li t-tifla mtliet bit-tbenġil, sarulha testijiet u rriżulta li kellha lukimja. “Kienu dejjem warajna, kieku ma kinux huma ma nafx xi jsir mill-bniedem, ikunu hemm għalik mill-bidu sal-aħħar… u anke wara”, saħqet l-omm.
Min-naħa tiegħu, Ryan Debattista, missier it-tifel li huwa l-wiċċ tal-maratona ta’ Puttinu din is-sena, iddeskriva lil Puttinu Cares bħala t-tieni familja tiegħu. “Biex ma ngħidlekx l-ewwel waħda”, kompla jgħid.
Fil-ftuħ tal-maratona, il-President George Vella rringrazzja lil kull min qiegħed jagħti sehem għal din il-kawża ġusta, u fisser kif dan kollu qed isir biex dawk kollha li jispiċċaw fil-bżonn, isibu min inaqqsilhom mid-dwejjaq u l-uġigħ ta’ ras. Enfasizza li kull kontribuzzjoni li tingħata lil Puttinu, tissarraf f’konfort għall-familji milquta.
Trid tgħin lil Puttinu?
Tista’ ċċempel fuq:
5190 2062 – €50
5180 2008 – €25
5170 2008 – €15
5160 2007 – €10
Tista’ tibgħat SMS fuq:
5061 8939 – €6.99