Filmat: Pulizija f’Wales jikkontrollaw lil Buttigieg armat b’2 skieken

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=smbgjPVQkjQ]

Filmat maħruġ mill-Pulizija fi Gwent juri lil-uffiċjali jikkontrollaw raġel b’kunjom Malti, li kien armat b’żewġt iskieken f’Wales.
Illum, Tony Buttigieg ta’ 36 sena, weħel sentenza ta’ erba’ snin ħabs.
Il-filmat juri lil Tony Buttigieg li fit-2 ta’ Ottubru tal-2017, ġie arrestat mill-Pulizija wara li rċevew rapporti li kien hemm raġel li beda jħabbat mal-bibien tal-appartamenti fiż-żona ta’ Caerleon.
L-uffiċjali li marru fuq il-post jidhru jippruvaw jinnegozzjaw mar-raġel sabiex iċedi ż-żewġ skieken kbar tal-kċina li kellu f’idu. F’dan il-waqt l-uffiċjali xegħlu l-cameras moħbija fl-uniformi tagħhom.
Skont il-Pulizija r-raġel kien taħt l-influwenza tal-alkoħol jew xi tip ta’ sustanza tossika waqt li beda jxejjer is-skieken u jhedded li kien se jweġġa’ lilu nnifsu.
F’dan il-mument il-Pulizija użaw l-apparat tax-xokkijiet elettriċi sabiex jippruvaw iwaqqfu lir-raġel, iżda kif jidher fil-filmat pprova jattakka lil Pulizija partikolari, sakemm irnexxielhom jikkontrollawh.
Buttigieg wieġeb ħati li pprova jweġġa’ lilu nnifsu quddiem il-Qorti ta’ Swansea Crown fid-19 ta’ Frar tal-2018.
F’Marzu li għadda, l-uffiċjali tal-Pulizija li ħadmu flimkien sabiex jaqbdu lil Buttigieg ingħataw tifħir speċjali mill-Kap Kuntistabbli tal-kuraġġ tagħhom.