Filmat: Protesta quddiem Kastilja kontra Gvern “li jaħsel idejh mill-ħtija”

Aġġornat 06:27 PM

They all fall down like toy soldiers

Posted by Repubblika on Wednesday, September 16, 2020

Read in English.

L-attivisti ta’ Repubblika nġabru quddiem il-Berġa ta’ Kastilja waranofsinhar għal protesta kontra Gvern ta’ ministri li “jibqgħu jaħslu jdejhom mill-ħtijiet kollettivi tagħhom.”

Fi stqarrija, Repubblika spjegat li r-raġuni għaliex l-attivisti nġabru l-Belt Valletta għal protesta llum kienet li l-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministri fil-Gvern kienu l-aktar nies li taw appoġġ lil Joseph Muscat, Keith Schembri, Konrad Mizzi u Chris Cardona, imma issa “jibqgħu siekta jew jgħidu li m’għandhomx responsabbiltà.”

Repubblika qalet li, “Mingħajr l-appoġġ u s-sostenn ta’ Robert Abela u l-ministri tiegħu, il-Gvern ma kienx jintrabat mal-Electrogas. Ma kinux jingħataw sussidji illegali biex jagħmlu l-qligħ dawk li kienu qed jixtru lill-Ministri. Ma kinux jorbtu pajjiż sħiħ b’kuntratt li ma kellniex bżonnu u li qed inħallsu b’kontijiet tad-dawl ogħla milli jmisshom ikunu.”

L-NGO kkummentat ukoll fuq kif il-Prim Ministru donnu jrid iwaqqaf l-inkjesta indipendenti li hemm għaddejja fuq l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Skontha, din l-inkjesta “qed tikxef ftit mill-ħafna li l-Ministri tiegħu żammu mistur.” Quddiem Kastilja, l-attivisti ħadu immaġni ta’ xadini, biex jissimbolizzaw lill-Ministri li fi kliem Repubblika, jagħlqu ħalqhom, għajnejhom u widnejhom biex ma jaraw u jisimgħu xejn.

U ma jgħidu xejn waqt li jaħtfu l-poter bis-saħħa tas-serq u l-qtil.

L-għaqda ssoktat tgħid li l-Prim Ministru saħansitra jrid li l-pajjiż kollu jkun mimli xadini li jagħlqu għajnejhom, widnejhom u ħalqhom għall-korruzzjoni ta’ madwarhom, u li jrid isikket l-inkjesta biex ħadd ma jkun jaf il-verità.

Huma kkommemoraw il-35 xahar minn meta nqatlet Daphne Caruana Galizia, fis-16 t’Ottubru, 2017, u fakkru x-xogħol li wettqet biex tikxef il-korruzzjoni, u l-kuraġġ li wriet sakemm inqatlet. Saħqu li għadhom ‘il bogħod mill-għan tagħhom biex mill-verità toħroġ il-ġustizzja, “imma x-xadini ta’ Kastilja mhux se jsikktuna.”

“Il-Gvern irid li ssir ġustizzja fl-assassinju ta’ Daphne” – PL

Il-Partit Laburista qal li l-Gvern irid li ssir ġustizzja fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, u hu għalhekk li qed issir inkjesta pubblika għall-ewwel darba quddiem tliet imħallfin li kien hemm qbil dwarhom mal-familja tal-vittma.

Il-Partit Laburista qal dan fi stqarrija maħruġa llejla bi tweġiba għall-protesta li saret illum quddiem il-Berġa ta’ Kastilja mill-għaqda mhux governattiva Repubblika.

Fl-istqarrija tiegħu, il-PL qal li Repubblika għażlet illum għall-protesta “b’mod kalkulat ħafna” quddiem l-Uffiċċju tal-Prim Ministru għax illum qed iżur Malta l-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel. Insista li l-Gvern irid li l-inkjesta ma tiħux wisq żmien abbażi tat-termini u tat-talba li għamlet l-istess inkjesta skont termini maqbula mal-familja Caruana Galizia.

Apparti hekk, il-PL qal li l-Gvern ta bosta sinjali fl-aħħar xhur li huwa kommess li ssir ġustizzja, pereżempju bil-ħatra ta’ Kummissarju ġdid tal-Pulizija u bit-tneħħija ta’ Konrad Mizzi mill-Grupp Parlamentari Laburista.

Il-Partit temm jgħid li, “Ikun aħjar li flok ikun hemm telf ta’ żmien f’logħob politiku kkalibrat apposta biex ixekkel ir-riformi u l-bidliet li qed idaħħal dan il-Gvern, ikompli jsir il-proċess b’serenità sabiex fl-aħħar mill-aħħar isir ġustizzja.”