Filmat: Proġett artistiku li ilu għaddej aktar minn sena

Read in English.

Il-kantanta Jessica Magro, rebbieħa ta’ L-Għanja tal-Poplu 2017, ħarġet kanzunetta ġdida bl-isem ta’ Break the Silence, proġett artistiku li ilu għaddej iktar minn sena. Din il-kanzunetta hija t-tieni single ta’ magro wara li fl-2019 kienet ħarġet il-kanzunetta Fearless.

Il-kanzunetta b’ħoss fuq tagħha, kienet miktuba u komposta minn Magro stess, tagħti messaġġ qawwi għal-libertà tal-kelma u kontra l-biża’ ta’ ġudizzju negattiv minn ħaddieħor.

“Kont għadni kif ħriġt l-ewwel diska tiegħi meta l- ‘chorus’ ta’ din il-kanzunetta ġie f’moħħi!” tispjega Jessica Magro. “Minn dak il-mument, kont naf li rrid noħloq kanzunetta li tagħti s-setgħa lil ħaddieħor biex ma jibżgħux jitkellmu u jsemmgħu leħinhom. Hekk twieldet Break the Silence.”

Il-kanzuentta saret b’kollaborazzjoni ma’ Matteo Depares mill-istudjows Wicked and Loud li esperimentaw bi stil ta’ ħoss differenti li jaqbel mal-istil versatili tal-kitba ta’ Jessica Magro.

Il-kantanta qalet li ħarġet il- kanzunetta wara żmien diffiċli: “Is-sitwazzjoni attwali żammitni lura milli nirrilaxxa din il-kanzunetta qabel, imma issa kien wasal iż-żmien.”

Il-kanzunetta hija akkumpanjata minn vidjow mużikali li nġibed f’postijiet differenti madwar Malta, li jesprimi b’mod kreattiv it-tema tal-kanzunetta. Il-filmat ġie ffilmjat, dirett, u editjat minn Marlon Polidano waqt li Mark Soler kien direttur tal-fotografija.