Filmat: Prof. Briffa jserraħ moħħ l-Għawdxin

Il-Professur Charles Briffa, lettur fl-Università ta’ Malta, serraħ ras l-Għawdxin dwar il-kelma “ġbejna” meta waqt il-programm Newsline fuq RTK qal li hemm kliem ieħor li huwa ferm aktar insulenti u l-interpretazzjoni tagħha fil-Parlament kienet ħażina. 
Qal li wieħed jista’ jgħajjar lil xi ħadd bi kliem aktar b’saħħtu u kollha huma relatati mal-ikel fosthom, pastizz, ġidra, qargħa u basla.
Jsostni anke li l-interpretazzjoni tas-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri li tgħid li t-tgħajjir tad-deputat Marlene Farrugia bil-kelma “ġbejna” kien immirat lejn l-Għawdxin, hi interpretazzjoni ħażina għaliex qal li anki bejn il-Maltin ikun hemm tgħajjir bil-kelma “ġbejna”.
Meta kien qed jispjega xi tfisser il-kelma “ġbejna”, Briffa qal li hu jara “bniedem artab, idjoma Maltija li tfisser tieħu kollox bil-lajma”.
Mistoqsi jekk il-kelma ġbara fil-konfront ta’ xi ħadd hiex agħar mill-kelma ġbejna, il-Professur ikkonferma dan u qal li ġbara kienet issir meta xi ħadd kien ikun batut u marid.
Kompla jgħid li jista’ jkun Malti ieħor li jieħu għalih meta jiġi mgħajjar ġbejna u għalhekk mhix kelma diretta fuq l-Għawdxin.