Filmat: Priġunieri b’riskju għoli ta’ suwiċidju ‘ma jistgħux jitħallew weħidhom’ – kriminologa

Read in English.

Priġunieri ma jistgħux jitħallew weħidhom f’ċirkostanzi li jindikaw li hemm riskju għoli ta’ suwiċidju, skont il-kriminologa Sandra Scicluna.

Scicluna, senior lecturer fid-Dipartiment tal-Kriminoloġija fi ħdan il-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta kienet qed tiġi ntervistata mill-preżentatur – u dekan tal-istess fakultà – Andrew Azzopardi fl-ewwel edizzjoni tal-programm ġdid tiegħu fuq l-istazzjon 103 Malta’s Heart.

Għalkemm fakkret li s-suwiċidji fil-ħabs dejjem kienu realtà, kien ċar li kien hemm żieda nkwetanti fin-numru tagħhom. Fil-passat, għalkemm kien hemm aktar nies il-ħabs, kien ġeneralment jiġi rrapurtat xi każ kull ftit snin. B’hekk, kien hemm indikazzjoni li xi ħaġa mhux qed taħdem sew.

Scicluna tenniet li persuna tikkommetti suwiċidju meta tara d-dlam u ma tħossx li hemm soluzzjoni oħra. Waqt li l-ħabs, naturalment, m’huwiex esperjenza pjaċevoli, il-kriminologa emfasizzat li hemm ċertu sitwazzjonijiet li huma partikolarment delikati. Dawn jinkludu l-mument meta persuna tibda’ tiskonta s-sentenza tagħha, sitwazzjoni li l-kriminologa tiddeskrivi bħala awtomatikament high-risk. Sitwazzjonijiet oħrajn li jindikaw riskju elevat ta’ suwiċidju huma każijiet fejn xi ħadd jirċievi aħbar ħażina, fejn priġunier iweġġa’ lilu nnifsu u fejn jiddiskuti s-suwiċidju.

Nuqqas ta’ osservazjoni

Però kien ċar li mhux qed issir biżżejjed osservazzjoni f’dawn il-każijiet, kompliet Scicluna.

Il-kriminologa rriferiet għall-każ l-aktar riċenti ta’ suwiċidju fil-ħabs, dak ta’ raġel ta’ 57 sena li kien mistenni jiġi estradit lejn l-Istati Uniti fuq abbuż sesswali ta’ minorenni. F’dan il-każ, żiedet Scicluna, kien hemm mill-anqas 3 indikazzjonijiet li kien każ high-risk: kien għadu kemm daħal il-ħabs, kien qiegħed jaffaċċja estradizzjoni, u kien akkużat b’reat li jġib ċertu mistħija.

Minħabba dan kollu, qalet, kellu jitpoġġa taħt observazzjoni, u mhux imħalli waħdu lejl sħiħ.

Sostniet li l-gwardjani tal-ħabs għandhom jirċievu t-taħriġ meħtieġ, li wara kollox hu taħriġ pjuttost bażiku: priġunieri mequsa f’riskju għoli għandhom ikunu taħt osservazzjoni 24 siegħa kuljum, għax jekk tħallihom waħedhom siegħa, jaġixxu f’dak il-ħin.

Ġie rrapurtat li ntużat ingravata fl-aħħar suwiċidju rrapurtat, u l-fatt li kien hemm ingravata preżenti naturalment mhux aċċettabbli. Però l-kriminologa fakkret li anke ħwejjeġ normali jistgħu jitqattgħu u jintużaw għall-istess skop: filfatt, semmiet kif f’ħabs Ġermaniż li kienet żaret jintużaw ilbies b’materjal apposta li ma jkunx jista’ jitqatta’.

Min-naħa tiegħu, Azzopardi qal li ġie nfurmat li filwaqt li l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin għandha kamra għall-osservazzjoni, din bħalissa qiegħda tintuża għal skopijet oħrajn.