Filmat: “Pożittiv li Malta tappoġġja l-mekkaniżmu tas-saltna tad-dritt” – Peter Agius

L-avukat u eks-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius stqarr li l-fatt li Malta aċċettat il-propost tas-saltna tad-dritt fil-fondi Ewropej hija aħbar pożittiva. Qal li ma stenna xejn iktar mill-Prim Ministru Malti Robert Abela li jgħid li jaqbel. Spjega li l-proposta kienet li l-fondi Ewropej jintrabtu ma’ kemm il-pajjiż jirrispett għall-valuri Ewropej fosthom is-saltna tad-dritt.

Huwa kien qed jikkumenta dwar l-istqarrija tal-PM ilbieraħ fejn f’kollegament telefoniku minn Brussell qal li Malta qed tappoġġja l-kundizzjoni tas-saltna tad-dritt għall-fondi Ewropej.

Malta tappoġġja l-kundizzjoni tas-saltna tad-dritt għall-fondi Ewropej
“Mistenni l-akbar pakkett finanzjarju li qatt kellha Malta” – il-PM minn Brussell

Dan is-summit Ewropew sa issa huwa l-itwal summit f’20 sena hekk kif l-itwal wieħed kien dam 5 ijiem f’Nizza fi Franza fis-sena 2000.

Newsbook.com.mt ħa l-kummenti tal-espert fl-Unjoni Ewropea Dr Peter Agius dwar id-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa. Huwa qal li jidher li t-taħditiet qed jikkonċentraw dwar id-daqs tal-pakkett finanzjarju.

Peter Agius spjega li dan kien l-ikbar test li kellu sa issa minn kemm ilu fil-kariga ta’ President tal-Kunsill Ewropew peress li t-taħditiet dwar il-baġit Ewropew dejjem ikunu l-aktar diskussi u l-aktar li jdumu. Qal li qed juża tattika li jibqa’ jimbotta għaliex hemm tama li jintlaħaq riżultat konkret.

Ix-xaqq ta’ dawl huwa li ġie maqbul il-mekkaniżmu tal-prinipju tas-saltna tad-dritt li permezz tiegħu il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jkunu jistgħu jieħdu l-fondi Ewropej. Huwa qal li dan id-deterrent qed ikun immexxi l-aktar mill-Partit Popolari Ewropew. Qal li dan il-kriterju huwa “il-bomba atomika” peress li qiegħed hemm pero jittama li ma jintuża qatt biex xi pajjiż jitwaqfulu l-fondi.

Agius tkellem ukoll dwar it-taxxi tal-kumpaniji li l-Ewropa trid li tibda tieħu mill-Membri Stati. Qal li għalkemm kienet issemmiet din il-proċedura sa issa jidher li għad m’hemm l-ebda deċiżjoni. Stqarr li d-diskussjoni qed tiffoka fuq ir-rebates li jieħdu l-pajjiżi msejjħa Frugal, li huma l-Awstrija, l-Ġermanja, l-Isvezja u d-Danimarka u għaldaqstant mhemmx diskussjoni fuq it-taxxi diretti.

L-intervista sħiħa xxandret waqt il-programm Newsbook Hour fuq 103 Malta’s Heart: