Tabiba li tkellmet ma’ Newsbook.com.mt sostniet li hemm possibilità kbira li min jieħu t-titqiba tal-meninġite qatt ma jimrad b’din il-marda. Madanakollu stqarret li dan ma jfissirx li ma jistax jimrad biha, iżda li l-ġisem ikun iktar preparat jekk il-batterji jattakkaw il-meninġite.
Newsbook.com.mt kien qed jitkellem ma’ Dr Tanya Melillo li tmexxi l-Infectious Diseases Prevention and Control Unit fi ħdan l-Isptar Mater Dei, propju wara li l-Ħadd li għadda tifel ta’ erba’ snin tilef ħajtu wara li marad b’tip ta’ meninġite magħrufa bħala Strep Pneumonia.
Filmat: Tifel Malti jmut bil-meninġite; “tallarmawx ruħkom”
Dr Melillo sostniet li hemm ħafna tipi ta’ meninġite, fosthom 90 tip differenti li jaqgħu taħt Strep Pneumonia. Spjegat li l-vaċċina li hawn qiegħda għal 13-il tip differenti li huma l-aktar komuni u l-aktar li jaffettwaw lill-bniedem. Spjegat ukoll li hemm żewġ tipi ta’ vaċċini oħrajn li jipproteġu kontra l-meninġite magħrufa bħala Neisseria.
Sostniet li wieħed irid jifhem li minkejja li hemm dawn il-vaċċini, u minkejja li wieħed ikun ħadhom, jekk taqbdek il-meninġite ma għandekx garanzija li inti sigur mija fil-mija. Spjegat li bil-vaċċina jekk ikollu jaqbdek, jaqbdek inqas min-normal u jkollok ċerta livell ta’ immunità. Spjegat li grazzi għall-vaċċini, meta jkollok din il-batterja ġo fik, il-ġisem ikun diġà jaf biha u jkun jista’ jattakkaha b’mod aktar effiċjenti.
X’inhuma s-sintomi tal-meninġite?
Dr Melillo spjegat ukoll x’inhuma s-sintomi tal-meninġite:
- Tista’ tibda minn sintomi normali, ftit deni jew sogħla
- Imbagħad tibda tiggrava, taqbdek uġigħ ta’ ras qawwija li ma tgħaddilekx bil-panadols
- Ma tkunx tista’ ċċaqlaq għonqok
- Ġieli tibda tirremetti
Spjegat li bniedem tarah ma jiflaħx u faċilment tinduna li bniedem għandu xi ħaġa.
Dwar il-meninġite tat-tip Strep Pneumonia, Dr Melillo spjegat li ġeneralment il-batterja tagħha l-iktar li jattakkaw huwa jew il-pulmun u jikkawża pulmunite jew inkella infezzjoni fil-widnejn. Sabiex jgħaddilek tieħu l-antibijotiċi. Spjegat li xi drabi, ġeneralment rari, din it-tip ta’ batterja tattakka l-meninġite.
X’għandek tagħmel jekk taħseb li għandek il-meninġite?
Skont Dr Melillo, jekk taħseb li għandek il-meninġite:
- mur għand it-tabib privat jew fiċ-ċentri tas-saħħa u dawn jagħmlu t-testijiet neċessarji
- jekk jinstab li verament għandek din il-marda, it-tabib jibagħtek l-isptar.
“Tista’ tittieħed iżda tattakka jekk ma tkunx f’saħħtek”
Dr Melillo spjegat li sakemm wieħed ikun f’saħħtu, jiekol ikel sustanzjuż, jagħmel eżerċizzju, jorqod sew u ma jkollux livell ta’ stress għoli, jekk il-batterji jidħlu ġo fih ma jagħmlux ħsara. Spjegat li persuna f’saħħitha jkollha ċ-ċelloli bojod li jattakkaw dawn il-mikrobi. Qalet li dawn il-mikrobi jistgħu jiġu trażmessi jekk wieħed jagħtas jew jitkellem wisq viċin ta’ persuna oħra.