Filmat: Porċellana mis-Seklu 18 tinsab għall-wiri

Read in English.

Il-kuratur mill-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija Nathaniel Cutajar spjega li l-wirja li tnediet il-Ħamis tikkonsisti primarjament f’porċellana Ewropea u ftit miċ-Ċina li nstabet waqt l-iskavi fil-Palazz tal-Inkwiżitur. Il-porċellana hi tas-Seklu 18 u nstabet waqt skavi ta’ fossa u kif ukoll minn waqt xogħol ieħor fil-parti tal-ħabs li saru iktar tard.

F’kummenti li ta lil Newsbook.com.mt, Cutajar spjega li l-porċellana kienet parti mill-propjetà tal-Inkwiżitur. Kien fis-sena 1798 meta telaq l-Inkwiżitur li l-Palazz ġie żvotat. Cutajar saħaq li din is-serje tikkonsisti f’materjal esklussiv u huma evidenza tad-drawwiet ta’ dak iż-żmien. Żied jgħid ukoll li fil-wirja wieħed jista’ jsib ukoll materjal kommuni bħal fuħħar. Huwa spjega li l-Inkwiżitur ma kienx juża dejjem il-porċellana.

Il-porċellana fi żmien is-Seklu 18 kienet sinonima ma’ drawwiet tal-ikel tal-elit.

Il-wirja bl-isem Il-Porċellana tal-Inkwiżitur f’Malta tas-Seklu 18, ġiet inawgurata mill-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici.

“Parti mill-istrateġija kulturali tagħna hija li niżguraw li l-komunità tagħna jkollha aċċess għall-istorja u l-wirt tagħna, li ffurmawna bħala pajjiż u kif ukoll l-identità tagħna,” stqarr il-Ministru Bonnici waqt it-tnedija.

‘Il-ħolma tiegħi hi li jkollna mużew tal-porċellana,” stqarr iċ-Chairman tal-Heritage Malta Anton Refalo waqt it-tnedija. Refalo tkellem ukoll dwar l-istorja tal-porċellana.

Il-wirja qed titella’ fil-Palazz tal-Inkwiżitur u hi miftuħa sal-31 ta’ Diċembru 2019. Il-wirja hi parti minn studju li għaddej bħalissa dwar l-istabbilment inkwiżitorjali f’Malta.