Filmat: Politiċi miż-żewġ naħat jaqblu mal-Arċisqof

Is-Segretarju Parlamentari Dr Aaron Farrugia, l-Ewroparlamentari Dr Roberta Metsola u anke l-Kap tal-MEUSAC Dr Vanni Xuereb, faħħru u ngħaqdu mal-messaġġ li wassal l-Arċisqof ta’ Malta fil-Vatikan meta kien qed jieħu sehem fil-Kungress Internazzjonali (Re)Thinking Europe.
Farrugia, Metsola u Xuereb kienu parti mid-delegazzjoni Maltija li ħadet sehem f’dan il-kungress li ddiskuta l-isfidi u l-valuri tal-Unjoni Ewropea.
Fl-intervent tiegħu, Monsinjur Scicluna tkellem dwar il-valuri Insara li sawru l-Ewropa u fuq l-importanza li l-Unjoni Ewropea tagħraf tgħożż id-dinjità ta’ kull bniedem.
Kien għalhekk li l-Arċisqof tkellem dwar l-importanza tal-bini tal-pontijiet, l-integrazzjoni u s-solidarjetà bejn il-popli Ewropej. Tkellem ukoll dwar ir-rispett lejn il-valur tal-ħajja.
“Intervent importanti mill-Arċisqof” – Aaron Farrugia
Is-Segretarju Parlamentari Farrugia qal li l-Unjoni Ewropea tinsab f’salib it-toroq u l-intervent tal-Arċisqof kien importanti għax fi kliemu l-Unjoni Ewropea jeħtieġ tindirizza l-valuri li jagħqdu lill-popli flimkien.
Qal li dak li tkellem dwaru l-Arċisqof kien f’waqtu għax jindirizza kriżijiet li għaddejja minnhom l-Ewropa. Kien hawn li saħaq li qabel tinstab soluzzjoni għalihom, hemm bżonn li l-istati membri jagħrfu dawk il-valuri li jagħqduhom flimkien.
“L-irwol tal-Knisja f’Malta – eżempju għal pajjiżi oħra” – Metsola
Tal-istess fehma kienet l-Ewroparlamentari Roberta Metsola li tkellmet dwar l-importanza li l-valuri jkunu fil-qofol ta’ kull deċiżjoni li jieħu l-politiku.
Ikkwotat lill-Arċisqof meta tkellem dwar il-valur tal-ħajja u kif xi ħadd li huwa favur il-ħajja jrid iħarisha sa mill-konċepiment u b’estensjoni għandu allura jkun kontra l-ewtanasja.
Saħqet li l-irwol tal-Knisja f’Malta u l-ħidma tagħha f’diversi oqsma għandu jkun ta’ eżempju għal pajjiżi oħra.
“Bid-diversità ngħinu lil xulxin” – Vanni Xuereb
Dr Vanni Xuereb tkellem dwar Ewropa magħquda mhux fis-sens li jkun hawn pajjiż wieħed iżda li kulħadd, bid-diversità tiegħu, jgħin lil ħaddieħor.
Kompla jikkwota lill-Arċisqof u qal li dan għandu jkun rifless ukoll fil-mod ta’ kif pajjiż iġib ruħu ma’ dawk li jilqa’ u jagħtihom protezzjoni.
Saħaq li ż-żgħażagħ jagħtu eżempju dwar dan. Semma l-programm Erasmus+ u kif iż-żgħażagħ jagħrfu li d-differenzi bejn il-kulturi mhux theddida imma xi ħaġa li tagħmilhom iżjed sinjuri.