Filmat: Plejer tal-Valletta jagħti sorpriża lin-nanna Jessie

Read in English.

In-Nanna Josephine Portelli, magħrufa bħala Nanna Jessie, kellha sorpriża sabiħa aktar kmieni dalgħodu meta x-xandar Arthur Caruna, li huwa wkoll il-maniġer tal-istazzjon 103 Malta’s Heart, ċemplilha biex “tieħu sehem f’kompetizzjoni”. Fir-realtà, huwa kien qed jagħmel telefonata speċjali ma’ wieħed min-neputijiet tagħha, il-futboler tal-Valletta FC Joseph Zerafa.

Zerafa, li jgħix man-nanna tiegħu iżda kellu jsib akkomodazzjoni alternattiva minħabba s-sitwazzjoni preżenti, iddikjara li n-nanna Jessie tfisser id-dinja għalih u ma jafx x’jagħmel li kieku jiġrilha xi ħaġa minħabba fih.

Meta tkellem ma’ newsbook.com.mt, huwa qal:“ Li nkun ma’ nanna kien dejjem il-post sigur u l-post fejn dejjem sibt il-ferħ tiegħi, u għalhekk jien qatt ma ħallejtha. Hija għamlitni l-persuna li jien illum u kulma nipprova nikseb fil-ħajja hija prinċipalment biex hija tkun kburija bija. Din is-sitwazzjoni hija waħda mill-agħar affarijiet li qatt ġraw lili iżda dawn l-affarijiet huma parti mill-ħajja, naħseb. Kelli nitlaq in-nanna għall-ġid tagħha stess għaliex jekk xi ħaġa tiġri lilha minħabba fija ma nafx kif nista’ ngħix miegħi nnifsi. Nappella lil kulħadd biex jagħmel sagrifiċċju sabiex din it-tortura tintemm mill-aktar fis possibbli. Iktar ma nagħmlu sagrifiċċju, iktar se jkun hemm iċ-ċans li niltaqgħu mill-ġdid mal-maħbubin tagħna aktar kmieni.  Ibqgħu siguri u paċi lil kulħadd.”