Filmat: Plejer Malti jbellah lill-partitarji bi 3-pointer spettakolari

Samuel Deguara, plejer Malti ta’ 26 sena li bħalissa qiegħed jilgħab mat-tim Mono Vampire fit-Tajlandja, ħalla lil ħafna b’ħalqhom miftuħ meta wassal il-ballun għal ġox-xibka minn kważi t-tul kollu tal-padiljun.
Il-partita tal-baskitbol kienet waslet qrib it-tmiem l-ewwel kwart, meta Deguara ħa l-pussess tal-ballun u b’tefgħa ġab tliet punti b’mossa li ftit plejers jesperjenzaw bħala f’ħajjithom. Fl-istess logħba, Samuel Deguara spiċċa bħala l-aqwa skorer tat-tim tiegħu bi 33 punt.
Samuel li huwa twil seba' piedi u ħames pulzieri (2.27m) huwa l-itwal raġel f’Malta u r-raba’ l-itwal plejer tal-baskitbol fid-dinja. Hu beda l-karriera professjonali tiegħu fil-baskitbol fl-età ta’16 il-sena mal-Benetton Treviso fl-Italja. F’dawn l-aħħar snin lagħab ma’ diversi timijiet barranin, fosthom fi Spanja, fit-Tuneżija, l-Amerika, il-Litwanja u l-Malasja.