Filmat: Platt sħun, shower u sodda b’xejn għal min għandu bżonnhom

Wara l-ikla tal-Milied, li għaliha Caritas Malta stiednet lil kull min jgħix waħdu, aktar tard din is-sena se jkun qed jitwaqqaf servizz permanenti, biex kull min jgħix waħdu jew għandu bżonn l-għajnuna, isib dejjem platt sħun, shower fejn jinħasel u sodda fejn jistrieħ.
Waqt l-intervista tal-ġimgħa fuq Newsbook.com.mt, Leonid McKay, Direttur ta’ Caritas Malta tkellem dwar dan ix-xelter ta’ emerġenza f’Birkirkara, li fih il-Knisja, il-Gvern u l-Privat se jkunu qed jilqħu għall-bżonnijiet bażiċi ta’ kuljum.
McKay qal li l-missjoni tal-Caritas hija li tkun viċin l-aktar persuni vulnerabbli. Żied li waqt l-ikla tal-Milied, iltaqgħu ma’ ħafna realtajiet differenti, fejn persuni, li jbatu mis-solitudni, sabu s-soljev f’ħaddieħor.
“Ħassejna li din l-inizjattiva ma għandiex tkun esperiment ta’ darba,” saħaq McKay.
Dwar proġetti ġodda għall-2016, Leonid McKay tkellem ukoll dwar ix-xelter il-ġdid għal nisa li jinsabu fil-programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga. Qal li kien hemm bżonn li n-nisa jkollhom servizz distint minn dak tal-irġiel, anke għax in-nisa jkollhom bżonnijiet differenti.
Wara aktar minn 40 sena ta’ servizz, Caritas Malta hija aktar magħrufa għal-ħidma tagħha ma’ persuni dipendenti mid-droga. Iżda Caritas Malta toffri għadd akbar ta’ servizzi, li huma kollha bla ħlas.
Fil-fatt, McKay qal ma’ Newsbook.com.mt, li Caritas timxi mas-sinjali taż-żmijinijiet biex tkun dejjem ta’ servizz għas-soċjetà Maltija. Iddeskriva s-solitudni bħala faċċata ġdida tas-soċjetà u għalhekk Caritas se tkun qed taħdem fuqha.
Leonid McKay tkellem dwar id-diversi support groups li toffri Caritas u li jolqtu nies ta’ kull età u li għandhom problemi u ġejjin minn realtajiet differenti. Fost dawn tgħin persuni bil-vizzju tal-użura u dipendenza mill-alkoħol, persuni bi kriżijiet ta’ emozzjonijiet u anke għajnuna lill-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali
Leonid McKay ħabbar ukoll li fi ftit ġimgħat, Caritas se torganizza konferenza dwar l-epilessija f’Malta.
Apparti minn hekk, Caritas taħdem mill-qrib mal-kummissjonijet Djakonija fil-parroċċi Maltin, fejn għadd ta’ voluntiera jaħdmu ma’ anzjani, persuni waħedhom u b’diżabbilità fost oħrajn.