Filmat: Pjazza Ħelsien mimlija barriers; xi ħwienet magħluqa

Read in English.

L-aċċess għal Pjazza Ħelsien ġie ristrett għall-pubbliku illum wara nofsinhar. Il-pulizija poġġew għexieren ta’ barriers fiż-żona madwar il-bini tal-parlament. Xi ħwienet għalqu minħabba f’hekk.

Il-barriers tpoġġew qabel ma bdiet protesta msejħa mis-soċjetà ċivili quddiem il-parlament. Din il-protesta tħabbret waqt id-dimostrazzjoni li saret ilbieraħ fi triq ir-Repubblika. L-attivisti qed isejħu għar-riżenja immedjata tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Ilbieraħ f’filmat Muscat ħabbar li se jkun qed jirreżenja mill-kariga ta’ Prim Ministru xi ħin wara t-12 ta’ Jannar.

Il-ġurnalisti tħallew jersqu wara barriers qrib l-entratura tal-parlament biex ikunu jistgħu jistaqsu l-mistoqsijiet tagħhom.

Newsbook.com.mt żar ukoll Pjazza Kastilja. Kien hemm barriers quddiem il-faċċata tal-uffiċċju tal-Prim Ministru. Kien hemm ukoll karrotti mitfugħin mat-taraġ tal-Berġa ta’ Kastilja.

Filmati: Christoph Schwaiger, Miguela Xuereb