Filmat: Pjattaforma xierqa għall-kantanti, awturi u kompożituri Maltin

Read in English.

Bejn it-18 u l-20 ta’ Marzu 2021 se jkun qed jittella’ Mużika Mużika – Festival Kanzunetta Maltija li se jservi ta’ pjattaforma xierqa għall-kantanti, awturi u kompożituri lokali biex jesponu t-talenti mużikali tagħhom fil-lingwa Maltija.

L-oriġini tal-Festival Kanzunetta Maltija teħodna lura għall-1960 u dan evolva gradwalment għall-festival Malta Song for Europe. Tul din l-evoluzzjoni, il-festival tilef triqtu għaliex il-kanzunetti bdew jiġu miktuba bl-Ingliż b’kompożizzjonijiet minn artisti barranin.

Permezz ta’ Mużika Mużika se jkun qed jingħata ġieħ lill-lingwa nazzjonali tagħna, l-artisti u l-kanzunetta Maltija, billi l-applikanti tagħna jingħataw l-aħjar opportunitajiet bħal orkestra live b’sezzjoni ritmika, backing vocals u palk prestiġjuż.

Il-festival se jkun imqassam fi tlett serati, bl-ewwel waħda tara 20 kanzunetta jikkompetu għall-post fil-finali.

Fit-tieni serata naraw lis-semi-finalisti jkantaw ma’ leġġendi tal-mużika Maltija, kemm passati u dawk preżenti.

Fl-aħħar serata se jkun hemm 12-il kanzunetta tikkompeti għat-titlu tal-Aqwa Kanzunetta Maltija 2021.

Il-Maestro Paul Abela, wieħed mid-diretturi artistiċi ta’ Mużika Mużika, saħaq li ser jintuża click track biex il-kompożituri ma jillimitawx ruħhom għal kanzunetti b’ħoss orkestrali biss. “Anzi aħna rridu illi jkun hemm stili differenti u li jitħajru jidħlu bands, artisti tar-rap,rock, r’nb, eċċ.. ukoll biex il-festival ikun interessanti u varjat. Ma rridux nippreżentaw festival b’kanzunetti bi stil wieħed. Aktar ma jkun hemm varjetà aktar aħjar”,  jgħid Abela.

L-applikazzjonijiet ta’ Mużika Mużika se jiftħu bejn it-28 u t-30 ta’ Ottubru 2020. Dawk interessati għandhom jaqraw ir-regolamenti fuq www.muzikamuzika.org u japplikaw sad-data stipulata.

Kun parti mill-istorja tal-mużika Maltija!