Filmat: Pjan tal-Knisja għall-Protezzjoni tat-tfal fuq l-Internet

Il-Papa Franġisku ammetta li l-Knisja wettqet żbalji u fi kliemu stess, xi kultant saħansitra “falliet” fil-ħarsien tat-tfal. Iżda, kompla l-Papa, il-Knisja tgħallmet mill-iżbalji tagħha u llum tħoss li għandha ħafna x’toffri biex tissaħħaħ il-protezzjoni tat-tfal fil-Knisja, fis-soċjetà u fuq l-Internet.
Il-Papa kien qed jindirizza mal-150 espert minn diversi pajjiżi tad-dinja li għal dawn it-tlett ijiem ħadu sehem fil-Kungress Dinji organizzat miċ-Ċentru għall-Protezzjoni tat-Tfal fi ħdan l-Università Pontifiċja Gregorjana. Matul dan il-kungress ġiet imfassla Dikjarazzjoni li tħeġġeġ azzjoni internazzjonali biex it-tfal ikunu mħarsa minn kwalunkwe abbuż fuq l-internet.
F’dan il-kungress il-Knisja Maltija kienet irrappreżentata minn Andrew Azzopardi li jmexxi l-Kummissjoni tal-Knisja għall-Ħarsien tat-Tfal u l-Adulti Vulnerabbli.
Ma’ Newsbook.com.mt Azzopardi spjega li l-Knisja ġabret flimkien persuni ta’ twemmin differenti u minn oqsma differenti, bil-għan li jistudjaw it-tajjeb u jieħdu passi fuq il-perikli li t-tfal jistgħu jħabbtu wiċċhom magħhom meta jużaw l-internet.
Wara jiem ta’ diskussjoni, li fiha ħadu sehem anke rappreżentanti minn kumpaniji kbar bħalma huma Microsoft u Facebook, il-Kungress ħareġ bid-Dikjarazzjoni ta’ Ruma li ġiet ippreżentaat lill-Papa Franġisku li laqagħha u għamilha tiegħu.
Fi kliem Azzopardi, il-Knisja laqqgħet lil dawn l-esperti, politiċi u nies minn kull qasam biex jitfassal pjan kif it-tfal ikollhom esperjenza pożittiva u sabiħa fuq l-internet u l-midja soċjali.
Azzopardi spjega kif il-Kungress żied l-għarfien fuq dik magħrufa bħala d-dark web, fejn bażikament kull min jaċċessa u juża dan is-servizz ikun anonimu. Saħaq li għalkemm 2% ta’ dawn is-siti huma fuq abbuż tat-tfal, 83% ta’ dawk li jagħmlu użu minn dark web, imorru fuq dawn is-siti.
Fost affarijiet oħra, id-Dikjarazzjoni ta’ Ruma tħeġġeġ lill-Parlamenti biex jgħaddu liġijiet li jipproteġu aħjar it-tfal u żżomm responsabbli lil dawk li jabbużaw jew jisfruttaw lit-tfal. Tħeġġeġ ukoll għal iżjed għajnuna lil dawk it-tfal vittmi u biex ikun hemm iżjed programmi li jagħtu kura u għajnuna lil dawk it-tfal vittmi ta’ abbuż jew sfruttament sesswali.
Mistoqsi x’passi se tieħu l-Kummissjoni tal-Knisja għall-Ħarsien tat-Tfal u l-Adulti Vulnerabbli, Azzopardi wera t-tama li din id-Dikjarazzjoni ssir realtà f’Malta.
Temm jgħid li se jkun qed jikkomunika dawn id-deċiżjonijiet tal-Gvern biex ikun parti attiva mill-implimentazzjoni ta’ din id-Dikjarazzjoni.
Newsbook.com.mt kien tkellem ma’ tfajla barranija sena li kienet sabet ruħha tgħix Malta waħidha u ġiet assedjata minn għadd ta’ rġiel Maltin fuq il-profil tagħha ta’ Facebook.

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=yv6W19C7DA4]