Filmat: “Pjan li nerġgħu noħorġu bil-maskri fil-jiem li ġejjin” – Moviment Graffitti

Read in English.

Il-pjan tal-istudenti attivisti ta’ Moviment Graffitti huwa li fil-jiem li ġejjin joħorġu bil-maskri satiriċi fuq il-kampus tal-Università ta’ Malta. Dan qalu ma’ Newsbook.com.mt wieħed mill-attivisti li kien preżenti fuq l-istand li l-għaqda għandha waqt il-ġimgħa studenteska magħrufa bħala Freshers’ Week.

Dan ġie wara li t-Tnejn li għadda, attivist ta’ Moviment Graffitti li kien liebes maskra satirika b’wiċċ il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg itteħditlu l-maskra mill-ħaddiema tas-sigurtà tal-Università. Filwaqt li bosta ħarsu lejn dan l-att bħala forma ta’ ċensura, l-Università qalet li l-istudent itteħditlu l-maskra għax ħareġ miż-żona ddedikata għall-għaqdiet.

Aqra: Aġġornata: Jikkonfiskaw maskra b’wiċċ Ministru mill-attivisti ta’ Moviment Graffitti fl-Università

Il-kelliem qal li wara dan l-inċident ma kienx hemm aktar drabi fejn l-għaqda kellha xi diżgwid mas-sigurtà tal-Università. Qal li l-amministrazzjoni tkellmet mal-attivisti involuti b’mod formali u minn hemm is-sitwazzjoni tranġat. Qal li infatti, ilbieraħ l-attivisti ħarġu bil-kostum u l-maskra u għandhom il-pjan li jagħmlu dan fil-jiem li ġejjn.

Hu insista li l-amministrazzjoni aċċettat li Moviment Graffitti jkun rappreżentat fuq il-kampus tal-Università u jgħaddi l-messaġġi politiċi bħalma jagħmlu għaqdiet oħrajn.

Propju llum l-Arċisqof Charles Scicluna żar Freshers’ Week, b’mod partikolari minħabba l-każ ta’ nhar it-Tnejn li għadda. Hu insista li importanti li niddefendu d-dritt ta’ xulxin li nesprimu ruħna.

Aqra: Filmat: “Importanti li niddefendu d-dritt ta’ xulxin li nesprimu ruħna” – L-Arċisqof

Filmat: Miguela Xuereb